Jum Nazzjonali Wieħed

    Fil-21 ta’ Settembru, pajjiżna jiċċelebra għeluq sninu. Kien f’dak il-jum li pajjiżna twieled bħala nazzjon sovran u indipendenti. Illum qed niddiskutu suġġett li ilu magħna wisq. U fiċ-ċirkostanzi, jeħtieġ ningħaqdu lkoll flimkien favur dikjarazzjoni li Jum l-Indipendenza hu l-Jum Nazzjonali tagħna.

    Fil-ġimgħat u l-jiem li għaddew, kien hemm diversi persuni li tkellmu dwar dan fosthom il-Kunsillier Laburista Desmond Zammit Marmara, il-Professur Henry Frendo, l-Istoriku Joe Pirotta. B’mod jew ieħor, kollha fissru l-importanza li Jum l-Indipendenza jkun akkordat qagħda aktar dinjituża bħala l-Jum Nazzjonali waħdieni ta’ pajjiżna.

    Din il-ħtieġa tqum aktar meta wieħed jirrealizza li filwaqt li Malta għandha ħames festi pubbliċi, l-ebda minn dawn mhuma ddikjarati bħala festi nazzjonali. Dan hu riżultat ta’ vjaġġ politiku li beda meta Gvern Laburista kien biddel il-jiem nazzjonali għall-konvenjenza politika, u ntemm fl-1989 meta l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien għamel pass importanti għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali meta ta importanza ugwali lill-31 ta’ Marzu, is-7 ta’ Ġunju, it-8 ta’ Settembru, il-21 ta’ Settembru u t-13 ta’ Diċembru bħala festi pubbliċi.

    Imma issa wasal iż-żmien li pajjiżna jkollu Jum Nazzjonali wieħed – waqt li jiddikjara l-ġranet l-oħra ta’ relevanza bħala festi pubbliċi. Pajjiżna twieled f’Jum l-Indipendenza. L-ebda kisba importanti ma konna nġibu li kieku ma konniex pajjiż sovran. Bl-istess mod kif kull persuna tgħożż għeluq sninha iktar minn kull kommemorazzjoni oħra, daqstant ieħor jeħtieġ li pajjiżna jibda jiċċelebra u jgħożż aktar minn qatt qabel għeluq sninu – il-21 ta’ Settembru, 1964.

    Ixxerja din l-istorja

    L-Artiklu ta' QabelIż-żabra
    L-Artiklu li JmissDmir u Dover
    Francis Zammit Dimech
    Francis Zammit Dimech huwa MEP Nazzjonalista