Jum l-Omm

    Din is-sena Jum l-Omm ġie ċċelebrat nhar il-Ħadd, 11 ta’ Mejju – it-tieni Ħadd ta’ Mejju f’madwar 80 pajjiż madwar id-dinja. Festa li f’ġurnata jew oħra prattikament id-dinja tal-punent kollha tiċċelebra din il-festa. Il-maġġoranza assoluta tal-bnedmin iħossu li għandhom jonoraw u jirringrazzjaw lil ommhom ta’ dak li tkun għamlet magħhom. Hija festa ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr.
    Mhux faċli biex trabbi t-tfal illum u din ma ngħiduhiex biss illum f'Jum l-Omm imma nridu ngħiduha ukoll f’Jum il-Familja fejn il-Missier huwa meqjus bħala parti mportanti mill-familja għax għandu ukoll l-istess reponsabbilta lejn uliedu. Imma llum fiċ-ċentru għandna lill-omm.
    Jum l-Omm għandu ċertu romantiċiżmu marbut miegħu u nġibu quddiem għajnejna xeni sbieħ ta’ familji miġbura flimkien aktarx madwar il-mejda b’xi ikla tajba u tfuħ. Imma din mhix ir-realta ta’ kulħadd. Kemm hawn ommijiet li f’din il-ġurnata kellhom biss imrar u dwejjaq. Niftakru fl-ommijiet f’pajjiżi fejn hemm il-gwerrer. X’Jum l-Omm kellhom dawn? M’hemmx għalfejn immorru l-bogħod, naqsmu biss il-Mediterran u naraw x’qed jiġri fis-Sirja, fil-Libja u pajjiżi oħra fl-Afrika ta’ fuq. Min jaf kemm ommijiet tilfu lil uliedhom minħabba l-gwerrer jew għal xi idejal ta’ xi mexxej jew ieħor. Jista jkun li lanqas biss għandhom opinjoni imma huma qed ibghatu minħabba d-deċiżjonijiet li ttieħdu minn ħaddieħor.
    Gwerrer hawn f’kull kotinent sfortunatament imma minħabba li qed immissu mal-problemi li hemm fl-Afrika ma nistgħux ma niftakrux fl-ommijiet li jaraw lil uliedhom jitilqu minn pajjiżhom mifni bil-ġuħ u bil-gwerrer u jidħlu għal vjaġġi prekarji fuq l-art, fid-deżert, u fuq il-baħar. Kemm minnhom qatt ma semgħu aktar b’uliedhom għax inbelgħu minn xi ħabs jew aktar għar mill-baħar! Smajna anke b’żgħażagħ li l-familja tagħhom stess bagħtithom sabiex isibu futur aħjar. Kemm trid tkun iddisprata s-sitwazzjoni sabiex tagħmel dan meta taf kemm hemm periklu jistenniehom?
    Niftakru fl-ommijiet li għandhom lil uliedhom mitlufa. Min jaf kif tħossha persuna li ma tafx x’sar minn xi ħadd minn uliedha. Naħseb li kif jgħidu, l-aħħar li tmut hija t-tama u dawn żgur li jibqgħu jistennew forsi xi darba jaslu …
    Aktar qrib tagħna naraw ommijiet ta’ żgħażagħ u rġiel u nisa li qegħdin il-ħabs. Min jaf x’ħassew nhar il-Ħadd f’Jum l-Omm! Żgur li ma xtaqux lil uliedhom jixxellfu mal-liġi u jispiċċaw magħluqa imma dik hi l-ħajja li qed jgħixu. Min jaf jekk il-ġirien jew persuni oħra madwarhom sabbruhomx jew ikkundannawhomx. Min jaf ħadux it-tort għall-imġieba ta’uliedhom!! Min jaf jekk kull min kien jafhom baqax ikellimhom!
    Kien hawn ommijiet li f’Jum l-Omm marru fuq il-qabar ta’ uliedhom għax dawn marru d-dinja l-oħra qabilhom. Min jaf minn xhiex għaddew meta raw lil uliedhom morda u qed ibgħatu u ma setgħux jagħmlu aktar magħhom milli għamlu.
    Żgur li l-maġġoranza tal-ommijiet jagħmlu dak kollu li jistgħu għal uliedhom  u f’mumenti diffiċli, tkun l-imħabba li tirbaħ fuq kull ħaġa oħra. Ħafna minn dawk li jirrakkontaw dawn l-esperjenzi juru ċar li jinsew lilhom infushom u jagħmlu dak kollu li jkun meħtieġ għal uliedhom.
    Imma kieku nieqfu ftit naħsbu kemm nistgħu napprezzaw aktar il-ftit ħin li għandna flimkien qabel ma tinqala xi problema u imbgħad ikun tard wisq. Kieku meta jistaqsuna xi ħaġa t-tfal, minnflok niffukaw fuq dak li għandna x’nagħmlu nsibu l-ħin sabiex napprezzawhom aktar u niddedikaw aktar ħin għalihom speċjalment meta jkunu qed jikbru. Filfatt dak kollu li nagħmlu huwa għat-tfal u għal-familja imma l-ħin li nqattgħu flimkien ma jitpartat ma xejn. Nitkellmu fuq kemm hi mgħaġġla l-ħajja … veru għax mgħaġġla f’kull sens.
     
     Sina Bugeja