Jum il-Vokazzjonijiet

    Unsplash

    Mad-dinja kollha, għada se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet. F’Malta wkoll din l-okkażżjoni se tiġi ċċelebrata fis-Seminarju tal-Arċisqof fejn Mons. Charles Scicluna se jqaddes Quddiesa li se tixxandar fuq TVM2 fid-9.30am.

    Dan il-Jum iċċelebrat mad-Dinja kollha hu ispirat mill-kliem li meħud mill-Evanġelji skont San Mattew (Mt 9, 38; Lq 10, 2) kif ukoll f’dak skont San Luqa: “Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.”

    L-għan prinċipali hu l-akkumpanjament

    Fi kliem Dun Stephen Magro, Direttur taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet “l-għan hu dak li nakkumpanjaw adolexxenti u żgħażagħ jiskopru l-vokazzjoni tagħhom – is-sejħa personali li Alla qiegħed jagħmlilhom.”

    Il-Vokazzjoni mhix biss dik saċerdotali, Dun Stephen irrimarka li: “iċ-ċentru jgħin lil dawk li jattendu, biex jiddixxernu l-ħajja li huma msejħin għaliha, kemm jekk hi dik miżżewġa jew dik lajka u jekk hi s-sejħa ta’ Alla l-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.”

    Dehra ġdida għas-sit għaċ-Ċentru

    Iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet mhux biss ħoloq dehra ġdida fuq livell viżwali, bis-sit il-ġdid tiegħu imma wkoll ġabar il-kunċett f’filmat qasir li joffri l-viżjoni ta’ Ċentru.

    Intitolat “Rooted” dan juri kif il-vokazzjoni hi bħal żerriegħa li tinżera u li fil-kwiet u fil-moħbi tibda tagħmel l-għeruq sakemm tinbet u tikber.

     

    Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mingħand Dun Stephen Magro fuq 7996 4557, permezz tal-imejl vocations@maltaseminary.org jew mis-sit http://seminaryvocationscentre.mt.