Jum il-Mara

    Il-Jum dinji ddedikat lin-nisa ilu jiġi ċċelebrat sa mill-1909. Dak iż-żmien l-esperjenza t’oppressjoni u nugwaljanza fost in-nisa Amerikani ġiegħlet lill-organizzazzjonijiet tan-nisa iqumu fuq saqajhom, isemmu iktar leħinhom, u jkunu iktar attivi fil-kampanja tagħhom. Minn dak iż-żmien l’hawn, ta’ kull sena bqajna niċċelebraw dan il-jum, f’bosta pajjiżi madwar id-dinja. L-għan ta’ din il-ġurnata huwa li nfakkru l-kisbiet li rnexxielha tikseb il-mara u dan mhux biex inpinġu lil mara bħala xi eroj, imma biex infakkru d-diffikultajiet li l-mara kellha tgħaddi minnhom biex illum nisa bħali għandhom id-dritt tal-vot u id-dritt tax-xogħol, fost oħrajn. L-għan ta’ din il-ġurnata huwa wkoll biex infakkru t-taqbid li kellha tgħaddi minnhom il-mara għall-kisba tal-ugwaljanza, il-paċi u l-iżvilupp, iżda wkoll biex infakkru u nkomplu naħdmu sabiex nisa oħra madwar id-dinja jingħatawlhom l-istess drittijiet u jkollhom l-istess kisbiet. Dan għaliex għalkemm sar ħafna xogħol diġa’, xorta waħda għad hawn gruppi ta’ nisa li d-drittijiet tagħhom, kemm umani u dawk ċivili, mhux qegħdin jiġu mħarsa, u allura mhux qed jirnexxielhom jiksbu l-milja tagħhom, fosthom in-nisa b’diżabilità.
    Iċ-Ċensiment li sar f’Malta fl-2011 juri biċ-ċar kemm in-nisa b’diżabilità qegħdin fi żvantaġġ fl-oqsma kollha li ġew riċerkati, inkluż fl-oqsma tal-edukazzjoni, x-xogħol u r-relazzjonijiet. L-istess ċensiment juri wkoll kif in-nisa b’diżabilità mhumiex biss żvantaġġati meta imqabbla mal-irġiel b’diżabilità, iżda anke meta mqabbla man-nisa li m’għandhomx diżabilità. Infatti huwa magħruf li n-nisa b’diżabilità, fost gruppi ta’ minoritajiet oħra, jesperjenzaw dak li jgħidulha oppressjoni simultanja. Fil-każ tan-nisa b’diżabilita din tiġi esperjenzata propju għax huma nisa u għax huma nisa b’diżabilità. Biex nifhmu aktar dan it-tip t’oppressjoni tajjeb inħarsu ftit lejn l-istorja u naraw kif matul iż-żminijiet il-mara b’diżabilità esperjenzat marġinalizazzjoni kemm mill-moviment tan-nisa kif ukoll mill-moviment tal-persuni b’diżabilità. Din il-marġinalizazzjoni seħħet għaliex f’ċertu oqsma l-moviment tan-nisa injora dawk l-esperjenzi partikolari ta’ minoritajiet fi ħdanu, bħall-esperjenzji ta’ nisa ta’ razez jew etniċitajiet differenti u n-nisa b’diżabilità. Minn naħa l-oħra il-moviment tal-persuni b’diżabilità għamel ukoll l-istess għaliex prinċiparjament kien mwaqqaf minn irġiel bojod, b’diżabilità fiżika u allura ftit kien hemm spazju biex in-nisa b’diżabilità jsemmgħu leħinhom.
    Fost l-oqsma fejn in-nisa b’diżabilità jesperjenzaw żvantaġġ doppju hemm il-qasam tal-vjolenza domestika u stupru. Għalkemm dan huwa qasam li f’dawn l-aħħar snin iktar qiegħed jingħata importanza, n-nisa b’diżabilità xorta waħda jibqgħu jesperjenzaw żvantaġġi f’dan ir-rigward. Dan narawh permezz ta’ statistika internazzjonali li turi li l-persentaġġ ta’ nisa b’diżabilità li jesperjenzaw vjolenza domestika huwa għola minn dak tal-popolazzjoni ġenerali. Fost atti ta’ vjolenza domestika lejn in-nisa b’diżabilità hemm iżamma ta’ medicina u apparat assistiv minn min suppost jgħid li jkun qiegħed jagħti s-sapport. Barra minn hekk in-nisa b’diżabilità jesperjenzaw diffikultajiet kbar meta jiġu biex jirrapurtaw atti ta’ vjolenza domestika għax jibżgħu li jitilfu l-istess persuna li tipprovdilhom is-sapport, u li ħafna drabi tkun l-istess persuna li qed tisfruttahom; u minħabba l-problemi ta’ komunikazzjoni li jista’ jkollhom, li ħafna drabi tkun l-istess effett tad-diżabilità. Raġuni oħra għalfejn in-nisa b’diżabilità ma jirrapurtawx vjolenza domestika hija għaliex jibżgħu li meta jċemplu biex jirrapurtaw l-każ tagħhom, dan ma jitteħidx bis-serjetà minħabba l-kunċett żbaljat li n-nisa b’diżabilità huma asesswali u allura ma jkollhomx relazzjonijiet, wisq inqas raġel jew wieħed li jista’ jkun vjolenti lejhom. Barra minn hekk problema oħra li tkompli titfa’ l-melħ fuq l-ferita, huwa l-fatt li ħafna mid-djar tal-kenn għan-nisa li jkunu esperjenza vjolenza domestika mhumiex aċċessibbli.
    Il-Vjolenza domestika hija biss wieħed mill-oqsma fejn in-nisa b’diżabilità jesperjenzaw oppressjoni simultanja, fost oħrajn. Iżda punti bħal dawn jisħqu l-bżonn urġenti biex in-nies li jfasslu l-politka jikkunsidraw il-bżonnijiet partikolari tal-minoritajiet fi ħdan minoritajiet oħra. Iżda barra minn hekk, ejjew ma ninsewx li n-nisa b’diżabilità għandhom l-istess għanijiet, xewqat u aspirazzjonijiet bħal kull individwu ieħor jew oħra.

    Amy Camilleri Zahra