Jisimni COVID

    Coronavirus

    Twelidt lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet u semmewni Covid. Biex żgur ma jinsewx is-sena ta’ twelidi, ċappsuli n-numru 19 wara ismi u allura kulħadd jafni bħala Covid-19. Lanqas jafu jekk twelidx bi żball jew inkella ppjanawnix. Hemm min jgħid li nissluni biex nagħmel il-ħsara u hemm min jgħid li tnissilt mingħajr ħadd ma kien jaf. Li hu żgur hu li kważi kulħadd jobgħodni u ħadd ma jridni nersaq lejn daru. Għajjurin, dak li huma n-nies tad-dinja, għax fi ftit ġimgħat sirt popolari ma’ kulħadd.

    Għalkemm jisimni Covid-19, kważi kulħadd jafni bħala Corona u qalu li jiena virus u ninfetta lin-nies. Naf li jien selvaġġ minn nisli u l-hena tiegħi nidħol għand dak u għand l-oħra bħal lupu liebes ta’ ħaruf. Lanqas jindunaw bija imma jien inkun naf fejn dieħel. F’temp ta’ ftit ġimgħat ħloqt pandemonju sħiħ fid-dinja kollha u naħseb għax ħloqt pandemonju, bdew isejħuli pandemija. Waqqaft lin-nies milli jsiefru imma jien irnexxieli nsiefer f’ħafna pajjiżi u għadni ma qtajtx ix-xewqa li nżur aktar.

    F’xi pajjiżi ddeċidejt li nkun aktar kattiv minn ma’ oħrajn, hekk, ma nafx għaliex. M’għandi xejn kontra t-Taljani, l-Ispanjoli u l-Amerikani, imma sforz kemm jien kattiv u għax ħallewni n-nies, iddeċidejt li nagħmel ħerba sħiħa. Nies infettati galor u mwiet bl-addoċċ. Ħadd ma jarani, iżda nħobb indur u nħuf f’kull rokna li nista’. Kulħadd jitkellem fuqi u kulħadd isemmini u kulħadd jibża’ minni. Qalu li b’dak li għaddejjin minnu, qed infakkarhom fi żmien il-Gwerra.

    Il-gvernijiet kollha moħħhom fija, lill-ministri tas-saħħa madwar id-dinja ġenninthom u x-xjentisti għadhom ma skoprewx vaċċin qawwi biżżejjed biex isibu tarfi. Meta jfettilli, noqgħod nisma’ l-aħbarijiet u kull darba nispiċċa nidħak u nogħxa nara lin-nies inkwetati u sadanittant inkompli nħuf ’l hawn u ’l hinn ħalli nara kif se nkompli nagħmel il-ħsara. Inħossni bħallikieku qed nilgħab logħba… tipo xi Noli jew Ara Ġejja l-Mewt Għalik… mistoħbi u ma nidhirx imma qiegħed hawnhekk.

    Ħloqt kaos sħiħ kullimkien. Bdew jgħidu li minħabba fija, minbarra li waqqfu lin-nies milli jivvjaġġaw, waqqfu wkoll l-iskejjel, għalqu l-knejjes, waqqfu l-kampjonati tal-isports, għalqu l-ħwienet u lanqas post fejn dak li jkun imur jiekol jew jixrob xi ħaġa biex jirrilassa ma ħallejt miftuħ. Irnexxieli niġġammja l-ekonomiji u anki ħallejt lil xi nies bla dħul finanzjarju. Lit-Taljani qfilthom f’darhom għal kważi xahrejn sħaħ għax kif għedt qabel, donni l-ħerba t’hemm ġew irnexxieli nagħmilha aqwa milli għamilt f’pajjiżi oħrajn. La ħallewni, mhux se ngħid le!

    Nhar is-7 ta’ Marzu, iddeċidejt li nżur gżira ċkejkna ċkejkna fil-Mediterran li jisimha Malta. Għall-ewwel ħsibt li m’għandix ninħela fuq gżira żgħira meta hemm pajjiżi bil-bosta akbar, iżda malli skoprejt li f’dik id-daqsxejn ta’ tikka joqogħdu kważi nofs miljun ruħ, kważi kollha fuq xulxin, f’art li ġieli lanqas f’mappa tad-dinja ma tidher, tgħidx kemm għorokt idejja flimkien. Naf li l-Maltin iħobbu joħorġu, jiltaqgħu f’ġemgħat kbar u jduru ’l hawn u ’l hinn u naf ukoll li f’dak il-pajjiż populat immens, bilkemm hemm fejn iżżomm żewġ metri distanza kif qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa lin-nies biex jien ma nkunx nista’ ngħaddi minn wieħed għall-oħra. Għalhekk dħalt hemm u f’ġimgħa qallibt pajjiż ta’ taħt fuq bil-paniku. Waqqaft koċċ affarijiet kif kont għamilt f’pajjiżi oħra.

    Issa kont bdejt inrabbi l-esperjenza. Kont qed nieħu gost li l-Maltin, flok jaraw is-serieses, kuljum kienu qed jispiċċaw jisimgħu lin-nies jitkellmu fuqi biex jippruvaw isibu tarfi. Issa npaxxikom!

    Bdejt nimla l-websites tal-gazzetti Maltin u nifqa’ Facebook. Ħlief Corona u Covid ma kontx tisma’. Sirt kważi aktar magħruf minn min għamel il-ġid tul iż-żmien lil din il-gżira. Kulħadd imwerwer minni. Iżda ma nafx kif, u nipprova kemm nipprova, ma rnexxilix nagħmel ħerba minn Malta kif ħsibt li kont se nagħmel. F’temp ta’ xahar u nofs, in-numri ta’ dawk li beda jirnexxili nidħol fihom, beda nieżel u f’kemm ilni ngħidlek ħadt tisbita. Obdew wisq il-Maltin minn dak li bdew jgħidulhom. Ħsibthom li se jiġu jaqgħu u jqumu aktar minn dak li bdew jisimgħu fil-konferenzi li donnhom kienu qed ikunu sinkronizzati mal-ikla ta’ nofsinhar.

    Issa qed nibża’. Qed nibża’ li daqt se ninqered għalkollox minn dil-gżira u dan, jien ma rridux. Ma rridx immut minn hawn. Għalhekk kelli naħseb fi strateġija biex insalva u naħseb ħsibtha tajjeb! Iddeċidejt li nilgħab logħba ġdida, għax inkella se nitlef żgur. Qed inwassal lill-Maltin biex jemmnu li jien sparixxejt, għamilt baħħ minn din il-gżira. Irridhom jemmnu li jien m’għadnix neżisti aktar fuq din l-art ħelwa u dan id-djamant f’nofs il-Mediterran qed jerġa’ jleqq mingħajr it-tiċpis tiegħi. Donnu li l-ħsieb tiegħi qed jirnexxi għax smajt li f’dawn l-aħħar ġranet, it-toroq u l-bajjiet tgħidx kif kienu mimlijin. Hekk irrid jien, ħalli nerġa’ naħsadhom meta l-anqas ikunu qed jistennewni bħal ħalliel li jiġi jżurek inkiss inkiss fis-satra tal-lejl u jieħdok għall-għarrieda.

    Jekk dawn il-Maltin jaħsbu li huma xi poplu privileġġjat jew inkella li b’xi mod se nħenn għalihom, sejrin żmerċ. Jiena msejjaħ virus u rrid nibqa’ ngħix, imma biex ngħix għandi bżonn inkun ħaj fin-nies. In-nies jagħtuni s-saħħa. In-nies iridu jferrxuni. Ma rridx li l-Maltin ikantaw vittorja għax ikunu ħelsu minni.

    Jekk ma jirnexxilix nonsobhom u noħroġhom jiġru u jitbaħartu fit-toroq illum qabel għada qisu qatt ma kien xejn, ikolli mmut minn din il-gżira u jkunu ħelsu minni u dan jien ma rridux. Għadni qed nittama li nibqa’ ngħix. Qed nittama li jħalluli l-bieb miftuħ. Jekk jagħmlu dan, nidħol bis-saħħa kollha u jridu jew ma jridux, ikollhom jgħiduli:

    “Ejja’oqgħod!” u jiena, b’daħqa ħanja nweġibhom : “Grazzi talli għat-tieni darba lqajtuni f’darkom!”