Jirriżenja Owen Bonnici? – Tkunux redikoli!

    Jien assolutament ma nistax nifhem kif il-membri tal-NGO “Repubblika” għandhom il-wiċċ u l-ardir jitolbu għar-riżenja tal-Ministru Owen Bonniċi. Dan wara li Owen Bonniċi instab ħati mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) li kiser id-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti meta ordna li jitnaddaf il-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, mafkar maħluq propju fuq il-monument nazzjonali tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

    Bħala bniedem li nemmen fis-saltna tad-dritt, m’iniex se nidħol fil-merti tad-deċiżjoni tal-Qorti għaliex nemmen li għandna dejjem u f’kull ċirkostanza nirrispettaw l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-Ministru Owen Bonniċi dejjem aġixxa b’rieda tajba u bl-iskop li jżomm l-għaqda nazzjonali u jipproteġi wkoll monument illi huwa ġawhra ta’ pajjiżna.

    Kulħadd jaf min huma l-perċimes ta’ “Repubblika”, nies li ma jitilfux okkażjoni waħda biex jattakkaw lill-Gvern Laburista kull meta jistgħu. Għandhom kull dritt jagħmlu dan għaliex Malta hija demokrazija. Biss hemm differenza kbira u sostanzjali bejn aġir ta’ Ministru li huwa materjal ta’ riżenja u ieħor li assolutament mhuwiex il-każ ta’ hekk.

    Naħseb li bħalma qal tajjeb il-Prim Ministru, Dr Robert Abela, l-aġir tal-Ministru Owen Bonniċi jaqa’ taħt it-tieni każ. Jien lil Owen Bonniċi ili nafu miż-żmien meta kien għadu se jibda l-karriera politika tiegħu u nista’ ngħid bla tlaqliq illi huwa wieħed mill-aktar nies onesti u korretti li qatt iltqajt magħhom tul ħajti.

    Ejjew ma nkunux redikoli! – Kieku l-politiċi jkollhom jirriżenjaw fuq materji bħal din tad-deċiżjoni tal-Qorti dwar Owen Bonniċi, nispiċċaw mingħajr il-Gvern u l-Oppożizzjoni! – Lil ta’ “Repubblika” ngħidilhom: “Kunu serji u mhux politikament partiġġjani għax inkella ħadd ma jirrispettakom u jeħodkom bis-serjetà!”

    Nappella lill-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Ministru Owen Bonniċi għax dan hu politiku li qed jagħmel ħafna ġid lil pajjiżna u għandna bżonn aktar nies ta’ integrità u kalibru kbir bħalu.