Jien u Jen

    Nammetti. Wieħed mid-dnubiet aktar innoċenti tiegħi hu li biex nirrilassa wara x-xogħol, spiss naqbad insajjar xi ħaġa minn xi wieħed mill-kotba tat-tisjir li nkun iffissajt fuqhom dak iż-żmien (bħalissa ġġennint fuq From the Oven to the Table ta’ Diana Henry – riċetti faċli immens li ma jiħdux ħin, titfa’ kollox fil-forn u tħallihom għaddejjin waqt li int tmur tagħmel xi ħaġ’oħra), inniżżel xi tazza nbid aħmar u ntajjar xi episodju jew tnejn tas-sitcom snin disgħin Friends.

    Iva, Friends. Tant rajthom drabi li nafhom prattikament bl-amment l-episodji kollha, daqt nibda ngħid il-linji magħhom. Qabel Netflix, kont irrid nistenna li ninzertahom fuq xi stazzjon, jew immur nikri xi DVD (tiftakruhom?) – jew inkun l-Ingilterra fejn kellhom stazzjon li kien qisu dejjem għaddej b’ripetizzjonijiet tiegħu. Issa għandna l-lussu li narawh meta rridu, u sa nagħżlu l-episodju li jkollna aptit naraw. Kemm aħna vvizzjati!

    Imma konna qed ngħidu. Friends. Riċentement, fil-pubbliċità medjatika li ppreċediet sensiela ġdida li tagħha hi protagonista, Jennifer Aniston – abbli l-iżjed attriċi li baqgħet famuża mill-cast ta’ Friends – tat intervista fejn tkellmet dwar ir-reġim ta’ dieta tagħha.

    U ħadt pjaċir immens, ta’ fanboy li jien. Għax skoprejt li jien u Jennifer għandna xi ħaġa inkomuni. It-tnejn qed insegwu d-dieta 16:8. L-intermittent fasting, fejn ma tikolx għal 16-il siegħa konsekuttiva kuljum, u tiekol li trid fit-8 sigħat li jifdal. Fil-każ tiegħi sibtha prattika għall-istil ta’ ħajja tiegħi għax l-għadu ewlieni tiegħi hu t-tnaqqir. Borża crisps l-uffiċċju, xi croissant jew pasta meta jkolli niltaqa’ ma’ xi klijent fuq kafè, żarma-friġġ meta nasal id-dar jew fil-weekends … u sejjer hekk il-ġurnata kollha. Allura s-16:8 qed iġġegħilni niddixxiplina ruħi u ma nnaqqarx tul is-16-il siegħa ta’ sawm.

    Ovvjament m’iniex ix-xempju tal-aħjar mod kif tagħmilha d-dieta. Għax iktar iva milli le t-8 sigħat tiegħi jaħbtu billejl u niekol tard ħafna. Imma m’aħniex hawn biex nitkellmu dwar id-drawwiet tal-ikel tiegħi … imma dawk ta’ Jennifer. Aniston qalet li darba fil-ġimgħa tirregala lilha nnifisha “cheat day” fejn “tixxala” fl-ikel ’il barra mit-8 sigħat allokati.

    Biss ix-“xalatura” ta’ Aniston tikkonsisti f’celery juice. Celery juice! Mentri ċ-cheat day tiegħi aktarx tkun tikkonsisti f’xi carbonara f’nofsillejl (spagetti 200 gramma, għax ħeqq jekk se taqla’ l-borom u t-twaġen, ’qas ħaqq toqgħod taqla’ għal erba’ spagettiet), xi biċċa kejk jew hot chocolate (jew it-tnejn li huma).

    Same same, preċiż. Imbagħad ingerger li d-dieta mhix taħdem fuqi.

    U waqt li seħibti Jen aktarx għaddejja tagħġen fil-blender tifraħ bis-celery juice, jien qed inqalleb f’From the Oven to the Table, nipprova niddeċiedi nippruvax is-Salsiccia con patate e pomodori al forno jew ir-Roast stone fruit almond crumble bil-fresh cream.