Jien l-aħħar ammiratur ta’ Joseph Muscat

    Qabel sar sinonimu mal-fenkati, l-eks kummissarju Lawrence Cutajar kien sar famuż għall- ammirazzjoni li stqarr li għandu lejn id-doni maskili tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Innotajtu li hawn ħafna eksijiet f’din is-sentenza? Araw ġejja oħra.

    Jien lill-eks Prim Ministru wkoll nammiralu ċertu talenti li hu mogħni bihom. Kuntrarjament għall-eks kummissarju jien dejjem preferejt inħares lejn l-inħawi tat-tramuntana ta’ żaqq Muscat iktar milli lejn l-inħawi tan-nofsinhar. Gosti, hux?  Għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha.

    Lill-eks Prim Ministru ilni nafu minn meta t-tramuntana tiegħi kienet mgħottija kollha kemm hi b’ħafna xagħar skur. Dejjem nafu b’persuna li ma tgħaddihx biż-żmien malajr. Bejnietna, konna ngħidu li moħħu jtih u jtih sew. Maż-żmien innutajt li l-organu ta’ bejn widnejh tgħallem jużah u jisfruttah ferm aktar. Kieku dan, minflok artiklu, kien status fuq Facebook jaf kont inkun mistenni nżidlu xi ‘feeling positive’ miegħu.

    Dan id-don tal-eks Prim Ministru hemm min isejjaħlu intelliġenza, hemm min makakkerija u hemm min juża aġġettivi oħrajn. Li hu żgur hu li dawn l-aġġettivi kollha huma l-oppost ta’ oħrajn bħal iblah, stupidu, iċċassat u sinonimi tagħhom.

    F’dawn l-aħħar xhur, kienu bosta dawk fil-gvern u fil-Partit Laburista li provaw ipinġu lill-eks Prim Ministru bil-maqlub ta’ dak li dejjem kien u li m’għandix dubju li għadu. Muscat innifsu ma ddejjaq xejn jieħu sehem f’din il-logħba. Però jien naf li din mhix ir-realtà u rrid permezz ta’ dawn il-ftit paragrafi nserraħ ras Joseph li jien u ħafna oħrajn għadna nemmnu li moħħu kien u għadu jaħdem tajjeb ħafna. Se nsejjaħlu Joseph għax lili dejjem hekk qalli nsejjaħlu. Laqmijiet oħra bħal ‘xiħ’ u ‘ġinġer’ jien qatt m’użajthom u mhux se nibda llum.

    Joseph, aħna nafu li int li meta kont ġurnalist kont ixxomm xi ħadma jew xi biċċa korruzzjoni minn seba’ mili bogħod, ma jistax ikun li ma xammejtx x’kien l-iskop tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama mifuħin mill-accountant favorit tiegħek għall-ikbar ħabib tiegħek u għall-Ministru favorit tiegħek. Ma nista’ ninsa qatt kemm kontu ħelwin int u Konrad meta tfajtu l-ilma bis-silġ lil xulxin. Dak it-tbissim u dak is-sens ta’ ħbiberija, kważi ta’ fraternità, għadu u jibqa’ stampat f’moħħi.

    Ma nemmen qatt li int, li kaxkart lin-Nazzjonalisti wara kwart ta’ seklu fil-gvern, f’salt wieħed sirt daqstant imbeċilli. Erħilhom jgħidu lill-Prim Ministru li ħadlek postok, lil Fearne, lil Varist u lill-oħrajn li dan tiegħek kien żball. Serraħ moħħok li jien naf li żbalji daqstant banali ma jeħduhomx imħuħ brillanti bħal tiegħek.

    Kif jista’ jkun li int, Joseph, imfaħħar bħala l-aqwa salesman fid-dinja, il-persuna li għaddiet biż-żmien lill-ġganti Ewropej u begħtitilhom iċ-ċittadinanza, ma ntbaħtx x’kien qed jinħema fil-Montenegro? Ma nemmen qatt li xi ħadd imżejjen b’moħħ żvelt u inkwiżittiv bħal tiegħek qatt u qatt ma staqsa lil Keith Schembri ta’ min huma l-kumpaniji 17 Black u Macbridge u għaliex Nexia kitbu li kellhom jgħaddu lilu u lil Konrad ħamest elef ewro kuljum. Bilħaqq, ta’ min hi Macbridge, Joseph?

    Kif jista’ jkun li xi ħadd tant bravu li ġabilna l-aqwa università mill-Amerika (jew mill-Ġordan?), li żejjen il-port ta’ Marsaxlokk b’tanker il-ġmiel tiegħu, li kien kapaċi jmur jinnegozja mal-Ażerbajġan mingħajr ma ħa ebda espert miegħu (apparti lil Keith u lil Konrad, ovvjament), li rnexxielu jiġbed lejn pajjiżna investiment vitali għall-isptarijiet tagħna (ooops!), ma ndunax li Keith u Yorgen Fenech huma ħbieb kbar u li Silvio Valletta kien qed isiefer miegħu minflok jinvestigah?

    Mhu se nemmen qatt, Joseph, li dak il-moħħ brillanti tiegħek ma ntebaħ qatt x’kien għaddej f’Kastilja u lil hinn minnha. Iva, Joseph, jien għadni nammira l-intellett tiegħek u ħadd mhu se jbellagħhieli li dak il-moħħ, li skont ħafna Laburisti tana l-aqwa żmien, f’daqqa waħda żmaga. Ma jimpurtax jekk nibqa’ waħdi nemmen li dawn tiegħek ma kinux żbalji, ma kinux injoranza u ma kinux bluha, imma kienu l-frott ta’ dik il-kaxxa li għandek bejn widnejk.

    PS: Jekk qatt tkun se tqabbad lil Keith iċempilli, ħu paċenzja, għidlu jċempel f’ħin diċenti mhux fl-erbgħa ta’ filgħodu. Saħħiet.