Jien favur il-ħajja

    Dħalt mid-dar kważi bil-ġirja ngħajjat ‘Aussie, Babe … Max’.

    Jiena u Marlene konna nieqsa xi ftit jiem mid-dar. Konna morna btala. Fin-nuqqas tagħna, ta’ kuljum, jekk mhux aktar minn darba wkoll, kien iżurhom Leli. Kaxkart il-bagalja għal ġewwa fi triqti għall-bieb tal-ġnien. It-tinbiħ ferrieħi tagħhom kien laqagħna ferm qabel ma ftaħt il-bieb u hekk kif ftaħtu Aussie u Babe għolew fuq saqajhom ta’ wara jistrieħu ma’ għarkuptejja donnu riedu jgħiduli xi ħaġa. Ħarist dawra madwari u kif intbaħt li Max ma kienx ġie jilqagħna, kemm jien u Marlene qisna konna ftehmna, irħejnielha għall-kamra ċkejkna li kienet il-kenn tat-tlett iklieb.

    F’kantuniera tagħha mixħut bħal mejjet mal-art kien hemm Max.  Sejjaħtlu.  Ma rrispondiex. Leħni lanqas għarfu. Kellu nifs tqil. Kien qed iliegħeb. Il-pil tiegħu kien maħmuġ. Kien diżorjentat.

    Ippruvajt inqajmu. Saqajh ma felħuhx. Il-kantuniera fejn kien mitluq kienet miżgħuda dubbien. Kien anke rremetta xi rieq safrani. Tbaxxejt mal-art u biż-żewġ idejn ġbartu u erfajtu. Kien kelb kbir u tqil. Ma felaħx jiċċaqlaq u ma ssilitx. Anzi fada fija.

    Max illum kellu għomor ta’ ’l fuq minn 120 sena. Ilu parti mill-familja għal aktar minn 18-il sena u għex għax kien gawdut. Ġera bosta magħna u darba minnhom, saħansitra ddedikajt diskors għalih f’dibattitu dwar il-klieb fil-Parlament. Kien ibati bl-artrite u saqajh ta’ wara ma kinux jifilħuh. Kien missier ta’ disgħa. Babe kienet it-tifla tiegħu. Jekk tippermettuli nsejjaħlu hekk: ‘Kien kelb ġentlom’.

    Mill-ewwel xarrabtu u ffriskajtu bl-ilma. Sqejtu mill-pala ta’ jdejja. Is-sħana qalila tal-jum kienet għamlet tagħha. Nissopponi saqajh ma tawhx u ma felaħx imur jixrob u għalhekk ixxotta.

    Dam ma trejjaq u jien bqajt fejnu bilqiegħda mal-art ndur bih. Ftit ftit beda jirkupra. Innutajt ukoll, li f’xi bnadi, il-pil oħxon tiegħu kien refa’.

    Iż-żewġt iklieb l-oħra ma tħarkux minn fejni, baqgħu hemm għall-wens, xi drabi jħarsu lejja b’dik il-ħarsa ċassa u konfonduta. Jitkellmu kien jonqoshom. Aussie wara ftit deherilha li għandha tindaħal u tagħmilha ta’ infermiera hi. Iggustajtha. Din hi l-istess kelba li wara li l-frieħ tagħha kienu laħqu u l-qattusa tagħna mietet u warajha ħalliet boton qtates, Aussie spiċċat treddaħħhom hi.

    Xi ġranet ilu żewġ żwiemel tal-karozzini esperjenzaw l-istess dulur. Kultant meta jiġri hekk nitħasseb. Forsi għax tabib u naf sew kemm ġisem jiflaħ ikollu tolleranza għall-eżerċizzju. Imma, ngħid jien, żiemel għal kemm ħin hu kapaċi jżomm fuq saqajh u jdur r-rondi turistiċi kważi ta’ kuljum? Forsi l-kuċċiera jagħtuhom xi titqib ta’ xi mediċina bħal xi steroids, biex iwasslu aktar? Kultant nisimgħu b’xi atleti li jkunu abbużaw minnhom.  Is-sħana hi kiefra għall-bniedem, aħseb u ara għall-bhejjem, tjur u għasafar. Tgħid hawn min qed jabbuża?

    U la qed insemmu s-sħana li qed taħkimna bħall-kumplament tal-Ewropa, ilbieraħ żaret lil Ħaż-Żebbuġ qatgħa ċikonji. Straħu fuq krejn għoli fi triq biswit il-grawnd tal-futbol, waqt li kienet qed tintlagħab logħba. Kienu spettaturi mhux tas-soltu tal-logħba. F’kemm ili ngħidlek nġabret folla. Anke l-bjut imtlew b’familji jħarsu lejhom. L-aħbar ġriet. Il-Facebook imtela ritratti tagħhom. Nisslu ferħ liema bħalu.

    Sebaħ l-għada. Mas-sebħ xi persuni sparaw fuqhom. Qatlu numru minnhom. Possibbli se nibqgħu ngħixu f’din il-medjokrità? Ma nistax insejjaħ persuna li sparat fuqhom kaċċatur. Mhuwiex denju tat-titolu. Kaċċatur jaf il-limiti u jaf xi ssarraf id-dixxiplina tal-kaċċa. Min spara jaqa’ f’dik il-kategorija ta’ nies, li kulma tmur qed iżżid, fejn l-attitudni ta’ machoism (bully) għamlet bihom. Hi ħasra li kien hemm persuni u stqarrijiet li ġġustifikaw dan l-aġir billi waħħlu f’denbhom. Il-ħażin qatt ma nistgħu npinġuh tajjeb.

    Max, xiħ akka, irxoxta. Ma jiflaħx jinbaħ. Jimxi qajla. Imma reġa’ fetaħ l-aptit. Ħafna kienu dawk il-persuni li ssuġġerewli biex inraqqdu. Ir-risposta tiegħi dejjem kienet: ‘Jien favur il-ħajja. Bħala tabib jien life saver. Hekk ilkoll għadna nkunu’.