Jekk ikollok bżonn xi ħaġa kellimni…..

    Is-sistema politika Maltija hija manifestata fl-espressjoni li ttemm prattikament kull diskussjoni ma’ kandidat elett jew eleġibbli : “Jkollok bżonn xi ħaġa kellimni”.
    Jekk ma’ dik is-sentenza mhux se nżidu ‘Jekk Ħaqqek,” is-sistema mhux ser tippermetti wisq din l-evoluzzjoni. Għax fl-aħħar mill-aħħar min ma jridx li anke hu jinqeda?
    Ir-riżenja ta’ Joe Cassar minn Membru Parlamentari hija t-tielet tip ta ‘riżenja’ sfurzata li kellna f’din il-leġiżlatura minħabba kwistjonijiet ta’ natura ‘politika’.
    Apparti dik ta’ Dr Cassar, kellna r-riżenja mill-Partit Nazzjonalista ta’ l-Eks Ministru Giovanna Debono u kellna t-tneħħija tal-eks Ministru Manuel Mallia minn Ministru ta’ l-Intern, wara li ntalab jirriżenja mill-Prim Ministru Muscat.
    Dawn it-tliet każi, minkejja li huma differenti u distinti għal kollox minn xulxin kienu riżultat ta’ sitwazzjonijiet li probabbli jirriflettu evoluzzjoni ta’ soċjetà li għandha numru ta’ faċċati.
    Minn banda hemm ammont dejjem jikber ta’ nies li m’għadhomx jittoleraw ċertu aġir minn min hu fil-politika. Fl-istess nifs xorta nemmen li għad hawn ammont ta’ nies li jħarsu lejn il-politika u l-politiċi biex jaraw x’jistgħu jiksbu u jieħdu.
    Kien hemm żmien, mhux il-bogħod, fejn wieħed kien iħares lejn min hu fil-politika bħala tweġiba għal vokazzjoni biex tikkontribwixxi xi ħaġa lejn il-pajjiż.
    Illum l-idea inbidlet f’waħda fejn n-nies iħarsu lejn il-politiku mhux għal x’ se jagħmel f’kuntest ta’ ġid komuni imma min l-aħjar se jsarraf il-vot ta’ dak li jkun.
    Sena ilu kont ħarbixt li fl-aħħar 20 sena, fl-isforz biex pajjiżna jikber ekonomikament intefa’ b’ruħu u ġismu biex jikber, joħloq il-ġid biex eventwalment jitqassam b’mod ġust. Fl-istess ħin però ġie traskurat l-aspett tal-ġid li jmur lil’ hinn minn dak ekonomiku. Fl-istess nifs, ħadd ma indokra l-aspetti l-oħra tat-tessut soċjali u etiċi ta’ pajjiżna, sew jekk huma drittijiet kif ukoll responsabilitajiet.
    Hawn min jgħid li r-riżultat elettorali ta’ l-2013 kien marbut mal-fatt li n-nies kienu xebgħu bl-allegati każi ta’ korruzzjoni. Jien inżid, li dak ir-riżultat kien ukoll dovut għall-fatt li s-sistema tal-klijentaliżmu tant kienet issaħħet, li n-nies li qatgħu qalbhom li jinqdew taħt partit, taw il-vot bit-tama li jinqdew mill-partit l-ieħor. Jekk se nibqgħu nħarsu lejn il-passat flok nimxu ‘l quddiem, se nispiċċaw ankrati ma’ l-istess sitwazzjoni tal-passat.
    Illum in-nies bdew juru l-istmerrija tagħhom għal ċerti sitwazzjonijiet, nibża li dawn l-istmerrijiet ġejjin iktar minn x’jgħid il-Kap jew Mexxej ta’ Partit, iktar minn determinazzjoni ta’ x’inhu sewwa u mhux sewwa.
    Ir-responsabiltà titlob li wieħed ma jiġġustifikax il-ħażin tal-lum ma’ tal-bieraħ bl-istess mod li tal-bieraħ m’ għandux jiġi ġustifkat, għall-ebda raġuni.
    Iż-żewġ Mexxejja Politiċi, relattivament żgħar għandhom responsabilità lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada li joħolqu kultura politika ġdida; Politika Onesta. Dan ser ikun eżami importanti għat-tnejn li huma.