Ixtri Prodott Lokali

     

    Ingħaqadt mal-organizazzjoni ambjentali Friends of the Earth Malta (FoEM) f’appell biex konsumaturi jixtru prodotti agrikoli lokali.

    F’messaġġ li fih ingħaqdu numru ta’ bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin, konsumaturi qed jintalbu jappoġġjaw is-settur agrikolu lokali u b’hekk jagħtu għajnuna diretta lill-ekonomija lokali u lil min jaqla’ l-għajxien tiegħu minn dan is-settur.

    Il-Malta Farm Map, żviluppat minn FoEM, għandu l-għan li jgħin bdiewa u raħħala Maltin jbiegħu l-prodotti tagħhom,wara li ħafna mill-bejgħ intlaqat minn COVID19. Permezz tal-mappa diġitalisabu pjattaforma li tqabbadhom direttament mal-konsumaturi.

    Jien qed insegwi dan is-suġġett mill-qrib għaliex bħala viċi-president tal-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, jiena responsabbli anke mill-biedja u s-sajd.

    Qed nosserva mill-qrib kif kunċetti u soluzzjonijiet f’pajjiżi oħra Ewropej jistgħu jkunu adattati lokalment. Irridu biedja sostenibbli, b’regoli li jgħinu lill-bdiewa bi produzzjoni żgħira meta mqabbel ma’ produtturi ferm akbar f’pajjiżi oħra Ewropej.

    Ninsab għaddejja b’laqgħat ma’ diversi produtturi lokali u fost l-isfidi eżistenti, hemm il-ħtieġa ta’ aktar għarfien tal-importanza strateġika li għandu dan is-settur biex f’pajjizna jkollna provvista tal-ikel bnina u lokali.

    Ma nistgħux inkunu totalment dipendenti fuq l-importazzjoni tal-ikel u għalhekk importanti li ma nidħlux f’riskju li neqirdu l-agrikoltura f’pajjiżna. Mingħajr ma naħsbu li hemm xi provvista li ma tafx limitu, huwa neċessarju li pajjiżna jipproduċi ikel bażiku bħal frott u ħaxix.

    Il-prodott lokali huwa l-aktar wieħed bnin u sigur, għax ġej minn sorsi li nafuhom.Hemm bżonn ukoll ta’ aktar żgħażagħ fis-setturi agrikoli li jkollhom l-ideat innovattivi. Jeħtieġ li r-riżorsi kollha neċessarji jkunu disponibbli għalihom, bħall-aċċess għall-ilma, għall-art, għas-suq u għal miżuri li jistgħu jgħinuhom jibnu karriera.

    Fuq kollox, jeħtieġ li l-konsumaturi jsiru jafu aktar dwar il-vera differenza li jkunu qed jagħmlu meta jixtru prodotti lokali. Se nkompli naħdem biex jasal ċar il-messaġġ li m’hawnx aħjar mill-prodott lokali Malti, kemm għas-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż.