Ittradejtu lil-Laburisti kollha!

    Ma noqogħdux induru mal-lewża: dak li qed jinkixef fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa tal-mistħija għall-erbgħa min-nies li ttradixxew il-fiduċja fdata fihom mil-Laburisti kollha u wħud anke mill-Maltin kollha. Wasal iż-żmien li l-Partit Laburista jitnaddaf u nerġgħu nsiru verament Laburisti u mhux partit politiku tal-businessmen.

    Twikkejna b’numru ta’ opportunisti li l-unika raġuni li għaliha jinsabu fil-Partit Laburista hija li javvanzaw u jagħmlu flus kemm jistgħu. Nibki meta niftakar f’tant Laburisti li għamlu u għadhom jagħmlu tant sagrifiċċji mill-qalb għall-Partit li tant iħobbu. Naf nies li qatt ma ħadu ċenteżmu għall-ħidma kontinwa tagħhom favur il-Partit. Niftakar fiż-żminijiet meta konna ħadna tliet telfiet elettorali wara xulxin, meta l-Partit Laburista kien nieqes mill-flus u konna noħorġu anke l-flus minn butna biex nixtru bukkett fjuri biex inpoġġuh quddiem monument f’xi okkażjoni ta’ tifkira.

    Biex imbagħad fl-2013 tfaċċaw ċerti nies bi skop wieħed biss f’moħħhom li żgur ma kienx il-politika bħala servizz pubbliku imma l-politika bħala attività merċenarja. U b’hekk spiċċajna fejn ninsabu llum!

    Hemm bżonn nagħmlu bidu ġdid jekk irridu nsalvaw lill-Partit Laburista, lill-Gvern Laburista u lil Malta tagħna. U naqtgħu darba għal dejjem din li noqogħdu npoġġu ċerti politiċi fuq pedestall, qisu huma xi super(wo)men. Naqtgħu l-laqgħiżmu darba għal dejjem għax bih ma naslu mkien.

    Nawgura li l-Mexxej il-ġdid jagħmel bidla radikali u mill-għeruq. Ejjew nerġgħu nsiru l-partit tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha. Min għalih l-ewwel il-but m’hemmx postu fil-Partit Laburista. Min għalih jiġi l-ewwel li jindiehes mal-businessmen m’hemmx postu fil-Partit Laburista. Min ikun minn tal-ewwel li jmur fuq Facebook biex jgħajjar u joffendi m’hemmx postu fil-Partit Laburista. Min irid jaħdem għal min hu batut u vulnerabbli u mingħajr ma jistenna ebda kumpens, merħba bih dejjem fil-Partit Laburista. Min jaċċetta opinjoni politika differenti, merħba bih ukoll fil-Partit Laburista. Min ipoġġi l-pajjiż qabel il-Partit, ejja magħna ħalli naħdmu għall-Maltin u Għawdxin kollha.

    Kuraġġ, għax ir-rebħa tagħna terġa’ tkun!