Itilqu ja “Nsara”

    Itilqu, ja Nsara… anzi… “Nsara.” Għax mhuwiex Nisrani ta’ veru imma biss tal-isem dak li ma jiflaħx jibqa’ fl-istess knisja ma’ Nisrani ieħor, sempliċiment għax dan tal-aħħar għandu kulur u ġens differenti minn tiegħu.
    Hawn min jaħseb li tkun Nisrani sempliċiment b’kumbinazzjoni, għax tinzerta titwieled f’pajjiż tal-Punent fejn hemm tradizzjoni qawwija ta’ reliġjon Kristjana/Kattolika. Imma mhux hekk. Band’oħra, fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u fl-Asja, per eżempju, id-dixxipli ta’ Kristu qed iħallsu prezz għoli għal dan it-titlu: b’demmhom stess, jew bit-telfien ta’ darhom, xogħlhom u ġidhom.
    Fl-Iraq u s-Sirja, ħutna d-dixxipli ta’ Kristu qed jiġu ttimbrati bl-ittra għarbija ن (nun) għax hija l-ewwel ittra ta’ “nasrani” (li tfisser Nazzareni), il-kelma li jużaw l-estremisti iżlamiċi biex iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-Kristjani. U meta jpinġulhom dik l-ittra mal-faċċata ta’ djarhom, ifisser li jistgħu jidħlu, jisirqu, ikissru u joqtlu. Għax dak l-isem ‘nasrani’ jagħmlek inqas minn bniedem f’għajnejhom.
    Hekk trattajtu intom lil dik il-familja refuġjata meta tlaqtu ‘l barra mill-knisja sempliċiment għax huma kienu sejrin jaqsmu l-esperjenza tagħhom: trattajtuhom ta’ xi ħaġa inqas minn bnedmin. U allura għax intom ma tridux taqsmu magħhom l-istess knisja, ma jistħoqqilkomx taqsmu magħhom l-isem “Nisrani”; għax huma ħallsu prezz għoli għalih, u intom le. Ftit ġibtu ruħkom aħjar minn dawk tal-ISIS u minn dawk tal-Boko Ħaram: għax huma jattakkaw il-ħajja tal-Insara (fost l-oħrajn), imma intom attakkajtulhom id-dinjità.
    Ma jixraqlux l-isem Nisrani dak li jagħti dahru lil familja refuġjata, proprju fil-jum qaddis meta l-Knisja tiċċelebra Familja oħra – dik ta’ Nazaret – li wkoll spiċċat refuġjata f’art barranija minħabba l-persekuzzjoni.
    Sewwa għamiltu: tlaqtu ‘l barra. Forsi ndunajtu li ma kienx postkom fid-Dar ta’ Dak Ġesù li xi darba kien tifel refuġjat u li – meta kiber – qal: “Kont barrani u lqajtuni, kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni.”
    X’se jwieġeb dak il-missier lil uliedu meta jgħidulu: “Papa’, għalfejn telqu ‘l barra mill-knisja dawk in-nies?” Forsi hu u martu jkollhom joħolqu fantażija jew gidba ħelwa, bħal Benigni f’La Vita e’ Bella, u jgħidulhom li kumbinazzjoni dak il-ħin inqalgħatilkom xi emerġenza u kellkom titilqu kmieni! Għax inkella xi jridu jgħidulhom lil uliedhom? Li l-istess persekuzzjoni li sabu fl-Etjopja għax huma Nsara, se jibqgħu isibuha Malta wkoll – fost l-“Insara” – għax huma suwed?
    Iktar kmieni għedt li ftit ġibtu ruħkom aħjar mill-estremisti Iżlamiċi, imma jkolli ngħid li żbaljajt. Jien u nirrifletti, naħseb li ġibtu ruħkom AGĦAR mill-ISIS u l-Boko Ħaram: għax dawk ma jafux aħjar mill-mibegħda. Imma intom suppost tafu aħjar; suppost smajtu l-Kelma t’Alla tinqara u tiġi spjegata waqt il-quddiesa. Jekk aħna l-qassisin ma spjegajnihiex sewwa, aħfrulna. Forsi bżajna li nitilfu xi ftit mill-popolarità (jew xi ewro mill-plattin) jekk nidhru favur l-immigranti!
    Mela itilqu, ja ‘Nsara’. Imma itilqu biex tiġu lura. Tinkwetawx, dejjem jibqa’ post għalikom fid-Dar ta’ Alla; ejjew lura meta tridu, merħba bikom. Imma jekk jogħġobkom, ejjew lura meta titgħallmu x’jiġifieri l-kliem ta’ Kristu: “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.” B’dik il-frażi qed jgħidilna li l-quddies kollu li nisimgħu u niċċelebraw ma jiswa’ xejn jekk f’qalbna hemm il-mibegħda u l-istmerrija lejn l-oħrajn sempliċiment għax huma differenti (jew għax narawhom bħala piż fuq l-ekonomija).
    Ejjew lura, bil-qalb kollha, imma ejjew lura Nsara ta’ veru: li jiżbaljaw u jikkonvertu. U għax jikkonvertu jsibu ħniena. U għax isibu ħniena, jafu wkoll juruha mal-oħrajn.
    Nixtieq għada nqum f’dinja fejn jgħiduli li dan kollu kien ekwivoku, li kien żball: li mhuwiex veru li xi nies telqu ‘l barra minn ġo knisja sempliċiment għax familja refuġjata qamet taqsam l-esperjenza tagħha. Telqu ‘l barra għax kellhom emerġenza ta’ veru.
    Jekk jgħiduli hekk, nieħu r-ruħ, u niskuża ruħi magħkom. U nkun nista’ nkompli nemmen li aħna veru poplu ġeneruż u twajjeb (għax tajna €4miljun lill-Istrina).