It-twaqqigħ tar-Razzett l-Antik fil-Fgura

    Il-każ tat-twaqqigħ tar-Razzett l-Antik fil-Fgura huwa wieħed verament tal-mistħija. Fid-dawl ta’ dan nixtieq nagħmel dawn il-mistoqsijiet:

    1. Issa wasalna għal dan l-istat li l-iżviluppaturi jiġu qabel il-kunsill lokali u r-residenti ta’ lokalità?
    2. Jekk kunsill lokali jgħid li hu kontra żvilupp fil-lokalità li jmexxi, kif il-proġett isir xorta? – Dan hu l-mod kif għandhom jiġu ttrattati l-kunsilli lokali?
    3. Possibbli li aħna tant fqar f’dan il-pajjiż li binja li hi parti mill-istorja ta’ lokalità u parti mill-kultura arkitettonika tagħha tiġi meqjusa bħala żejda?
    4. Ladarba s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti kkonfermat li r-Razzett l-Antik ma jimmeritax li jiġi skedat, xi skop hemm għal din l-entità meta hi stess wittiet it-triq għat-twaqqigħ tiegħu?
    5. Jien inbaxxi rasi dejjem quddiem il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż imma jekk il-liġijiet u r-regolamenti kollha jippermettu l-qerda ta’ binja bħar-Razzett l-Antik, allura mhuwiex il-każ li l-Gvern jgħaddi legiżlazzjoni ġdida biex ma jkunx jista’ jiġri hekk aktar?
    6. Meta wieħed jara permess għat-twaqqigħ bħal tar-Razzett l-Antik li joħroġ mill-Awtorità tal-Ippjanar, mhux bilfors li wieħed jistaqsi jekk din hix qed tfalli totalment fil-ħarsien tal-ambjent u dan anke jekk kollox sar skont ir-regolamenti, jiġifieri kif suppost?
    7. Id-Deputat Prim Ministru Laburista, Chris Fearne, appoġġja pubblikament lill-Kunsill Lokali tal-Fgura fil-ġlieda tiegħu biex jiġi ppriservat ir-Razzett l-Antik. Għaliex mhux il-politiċi kollha segwew dan l-eżempju tant sabiħ ta’ min verament għandu l-ambjent għal qalbu?

    Min hu Malti u ma jirrispettax l-ambjent storiku u kulturali ta’ pajjiżna, la jkun qed jirrispetta lil ħutu l-Maltin u lanqas lilu nnifsu bħala Malti.