It-turiżmu: il-ġebla tax-xewka

    Qabel konna ngħiduha qisa clichè, illum nifhmu aktar li kienet verità importanti, li t-turiżmu huwa l-fundament ekonomiku tal-pajjiż. Il-gelgul ta’ 2.6 miljun turist fis-sena li kellna s-sena l-oħra huwa ħolma llum. Jeħtieġ naħdmu bilgħaqal u naħdmu flimkien biex nevitaw żmien diffiċli għal ħafna familji Maltin u Għawdxin.

    Nixtieq nelabora tliet ħsibijiet f’dan il-kuntest ispirati minn dak kollu li qed nara jiċċaqlaq barra minn Malta u mill-parteċipazzjoni tiegħi fuq livell Ewropew. L-ewwel ħsieb huwa dwar il-kompetizzjoni bejn turiżmu intern u turiżmu estern. Il-Franċiżi Pariġini pereżempju jistgħu jaqtgħu ftit l-aptit għall-ivjaġġar billi jmorru sal-kosta mediterranja jew inkella sal-alpi fin-nord, l-istess it-Taljani u l-Ġermaniżi. Minn dak li qed jgħidu politiċi ewlenin kif ukoll il-midja fi Franza, Ġermanja, Italja u l-Belġju (dawk li nsegwi), se jkun hemm imbuttatura qawwija għat-turiżmu intern f’dawn il-pajjiżi bir-riżultat li se tonqos ħafna d-domanda għat-turiżmu li jaqsam il-fruntiera.

    Aħna nistgħu mmorru sa Għawdex, u nħeġġeġ lil kulħadd biex jibda jibbukkja, iżda dan mhux se jkun biżżejjed biex insostnu din l-industrija li titma’ l-pajjiż. Għandna bżonn urġenti ta’ strateġija inċisiva li tiffoka fuq numru ta’ niċeċ aktar minn qatt qabel (eżempju diving, kultura, storja, watersports, trekking, agrituriżmu) u tibda tilħaqhom b’mod konsistenti biex nattiraw lejna pockets ta’ turisti li ma jistgħux dejjem jiġu sodisfatti mit-turiżmu intern. Dawn huma forom ta’ turiżmu li normalment huma prattikati fi gruppi żgħar u mhux tal-massa. Dan apparti li riċerka turi li dawn huma turisti li lesti jonfqu aktar. Hekk nistgħu niġbdu lejna numri iżgħar li jkunu kontrollabbli vis-a-vis l-virus li iżda jħallu ħafna aktar flus ras-għal-ras mit-turist low-cost.

    Sfortunatament, se jkollna ninsew il-mudelli ta’ suċċess li ħadmu sa issa. Jekk mhux se nadattaw fi ftit ġimgħat għal realtà ġdida se jkollna sitwazzjoni tal-biki għal mijiet ta’ negozji u eluf ta’ impjiegi.

    Darb’oħra nelabora żewġ punti oħra fuq miżuri meħtieġa biex nerġgħu nġibu l-fiduċja tat-turist li jivjaġġa u dwar il-bżonn ta’ miżuri biex inpoġġu aktar flus fil-but fl-industrija.