It-Turiżmu f’ Għawdex: “Gozo Brand”

    L-importanza tat-turiżmu għal Għawdex u l-fatt li Għawdex qed ikun ikkunsidrat bħala destinazzjoni destinta minn Malta, ħadd ma jista’ jinnegaħ. F’Għawdex insibu diversi mpjiegi li huma relatati mal-industrija tat-turiżmu u anke entitajjiet li huma responsabbli minn dan is-settur daqstant importanti għalina. Iżda fil-verità, fejn qed naslu? Għawdex qed jieħu dak li ħaqqu? Il-potenzjal ta’ Għawdex tagħna qed jiġi massimizat kif suppost?

    F’dawn l-aħħar xhur bħala student universitarju li qiegħed nagħmel it-tielet lawrja tiegħi, rnexxieli nersaq u nara mill-viċin din l-industrija daqshekk importanti għall-gżira tagħna. Qed nipprova nagħmel analiżi tas-sitwazzjoni preżenti tal-prodott li Għawdex qiegħed joffri. Stajt napprezza l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin f’diversi setturi tat-turiżmu, iżda sfortunatament osservajt diversi nuqqasijiet. Mingħajr ma nkun negattiv, huwa importanti issa li inħarsu ’l quddiem u naraw kif nistgħu lkoll flimkien nimmassimiżżaw il-potenzjal ta’ Għawdex. 

    F’dan id-dawl ser nagħmel l-bażi u eventwalment jinbeda l-proċess, għal dik li tissejjaħ il-Gozo Brand. Din ser tkun qed tagħti viżjoni u direzzjoni lill-Għawdex. Din il-brand mhux biss ser iservi fil-qasam turistiku, iżda wkoll trid tikkaratterizza lill-gżira tagħna fil-kwalità tal-ħajja. 

     

     

    Branding

    Biex nifhmu aħjar il-kunċett tal-Gozo Brand, tajjeb li l-ewwel nifhmu x’inhi branding. Il-branding hija strateġija fis-suq li tagħti messaġġ ċar u din issir b’metodi kreattivi u sa ċertu punt emozzjonali biex tħajjar aktar lill-konsumatur biex jixtri u li, imbagħad, tikkonferma mal-klijent il-kredibilità u l-lealtà. Fil-każ ta’ gżira bħal tagħna, il-branding għandha tkun prinċipju; bażi li madwaru ddur il-ħajja soċjali u ekonomika. Dan il-prinċipju miġbur fi slogan  li jiġbed l-attenzjoni, huwa karta tal-identità għal gżiritna biex kull min jkun ser ikollu x’jaqsam ma’ din il-gżira jew l-abitanti tagħha jkollu l-abbilta’ li jara l-potenzjal u l-prodott li joffri Għawdex.

    Brand għal Għawdex tagħti viżżjoni lill-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu fi gżiritna; kif ukoll issaħħaħ l-idea ta’ Għawdex aktar ħolistiku u magħqud u ta’ gżira u soċjetà li għandhom futur. Fir-rigward tat-turiżmu din il-brand ser issaħħaħ il-prodott Għawdxi u l-kunċett li Għawdex jista’ jkun verament destinazzjoni distinta kif ta’ bilħaqq għandu jkun.

    Li Għawdex ikollu awtorità tat-turiżmu għalih u mhux dipendenti fuq Malta huwa pass importanti ħafna.  Iżda din trid tkun sostnuta bil-meżżi finanzjarji u mhux biss tkun titlu għall-propaganda politika. Din l-awtorità jrid ikollha r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex taħdem kif suppost.

    Ta’ min jenfasiżża li fl-aħħar mil-aħħar huwa mportanti li sabiex brand għal Għawdex tkun suċċess trid tkun imħaddma mill-Għawdxin kollha. Għalhekk parti mportanti mill-proċċess tal-informazzjoni u tal-formazzjoni ta’ din il-Brand hija il-konsultazzjoni mal-Għawdxin minn kull qasam tas-soċjetà.

     

    Ryan Mercieca

    President Grupp Universitarji Għawdxin