It-TTIP. Jien kontrih, Jien favurih… Qabel kollox, naf x’inhu?

    F' Lulju l-Parlament Ewropew għadu kif għadda riżoluzzjoni li tiggwida lill-Kummissjoni Ewropea fin-negozjati tagħha mal-Istati uniti għal ftehim ta' kummerċ trans-atlantiku.
    Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa fil-fatt qegħda tinnegozja diversi kapitoli f' dan il-ftehim li jinkludi l-kummerċ f' eluf ta' kategoriji ta' prodotti minn dawk ta' teknoloġija avvanzata sal-prodotti agrikoli kif ukoll ħafna oqsma ta' servizzi.
    Ftehim bħal dan mal-Istati Uniti, jekk jirnexxielna naslu għalih, ser jolqot bla ebda dubju b' mod dirett u indirett lill-ekonomija Ewropea u dik ta' Malta. Din hija ħaġa ċerta. Iżda ċ-ċertezzi naħseb li jieqfu hemm.
    L-ewwel nett il-ftehim għadu qed jiġi negozjat. Infetħu diversi kapitoli. F' uħud l-Unjoni qed iżżomm lura, f' oħrajn l-Istati Uniti għandhom anqas ħeġġa, f' oħrajn mexjin in-negozjati b' pass meqjus iżda ċertament għadhom ma ngħalqux u għad allura m' għandniex stampa sħiħa u konkreta ta' kif dan il-ftehim huwa mistenni jolqot lill-Ewropa jew lilna.
    It-tieni aspett huwa li l-ftehim jista' jolqotna tajjeb jew ħażin skont is-settur li qed nitkellmu fuqu. Per eżempju, b' mod ipotetiku, jista' jkun li fil-qasam tal-farmaċewtika jista' jwassal għal armonizzazzjoni akbar u opportunitajiet aktar wiesgħa għall-industrija stabbilita Malta mentri fl-agrikoltura jista' jagħti l-każ li jkun hemm provvista akbar ta' prodotti b' kompetizzjoni akbar għall-bidwi Malti (u, ipotetikament, prezzijiet orħos għall-konsumatur?). Huwa għaldaqstant diffiċli u possibilment prematur li ngħidu li t-TTIP ser ikun pożittiv jew negattiv, għax jiddependi fuq kollox fejn qed tpoġġi fuq il-post tax-xogħol jew bħala konsumatur.
    It-tielet element huwa li l-ħsieb fil-bidu tan-negozjati tat-TTIP kien ta' tqarrib tal-ekonomiji tal-Ewropa u tal-Istati Uniti. Naħseb li dak il-proċess fih innifsu ser ikun ħawtiel u edukattiv għat-tnejn. Jista' jkun li ma naslux biex niftehmu fuq kollox, izda fil-proċess tan-negozjati tat-TTIP l-Ewropa qed tifhem dejjem aktar li dak li tiddeċiedi internament għandu konsegwenzi diretti fuq il-kompetittivita' tagħha mal-Istati Uniti u lilhinn. Dan l-Ewropa ila tafu, iżda proċess bħat-TTIP jgħallmek aktar għax ipoġġik fid-diffikultajiet reali tan-negozjati  tal-inkompatibilitajiet bejn l-istandards Ewropej u dawk Amerikani.
    Il-Parlament Ewropew fil-fatt għadu mhux qed jgħid li jrid jew ma jridx it-TTIP. Sa issa l-MEPs qed jgħidu essenzjalment li hemm opportunitajiet kbar jekk joqorbu l-ekonomiji tal-Unjoni u tal-Istati Uniti, izda jeħtieġ noqgħodu attenti għad-dettalji. Bħal ma nafu biżżejjed, l-għafrid qieħed fid-dettalji. Għaldaqstant l-MEPs fir-riżoluzzjoni ta' Lulju li għadda ammonew lill-Kummissjoni Ewropea li teħtieġ tara li fin-negozjati mal-istati Uniti jkunu salvagwardjati l-istandards Ewropej u jiġu mbuttati l-opportunitajiet għan-negozji ż-żgħar. Dawn kienu biss tnejn minn lista twila ta' kundizzjonijiet u talbiet li għamlu l-MEPs iswed fuq l-abjad f' din ir-riżoluzzjoni.
    Ma ninsewx li l-MEPs għandhom l-aħħar kelma fuq it-TTIP. Huma r-rappreżentanti tal-popli Ewropej u ser ikunu huma li jagħtu l-via libera għat-TTIP jew jimblokkawh bħal ma għamlu fil-każ tal-ACTA.
    Sadanittant aħna x' nistgħu nagħmlu? Naħseb li bħala ċittadini attivi xogħolna jkun li ninfurmaw ruħna aħjar dwar xi jkun dan it-TTIP u kif jista' jolqot l-oqsma li jinteressawna. L-Ufficcju tal-Parlament Ewropew ser jipprova jgħin f' dan il-proċess permez ta' diskussjoni miftuħa dwar it-TTIP u l-effett tiegħu fuq il-kummerċ Malti. Diġa saru 4 konsultazzjonijet tekniċi ma' setturi speċjalizzati li jinkludu l-farmaċewtika, s-servizzi finanzjarji, il-manifattura u t-trasport. Fil-25 ta' Settembru ser norganizzaw ukoll konferenza man-negozji Maltin u l-MEPs dwar it-TTIP.
    Dan huwa proċess edukattiv u ta' skrutinju demokratiku li naħseb huwa essenzjali qabel naslu għall-istadju fejn niddeċiedu jekk it-TTIP hux fl-interess tagħna jew le. Sadanittant bejn iċ-ċifri sbieħ tal-Kummissjoni Ewropea li qed tistma li kull familja tiggwadanja 500 ewro fis-sena bl-iffrankar tad-dazji u l-estrem l-ieħor ta' dawk li qed jarawna fis-sakra bl-amfetamini taċ-ċanga amerikana jiena nagħżel li ma nibla l-ebda waħda minn dawn qabla nara aktar fiċ-ċar x' qed jiġi negozjat u l-posizzjoni u l-argument ta' dawk li finalment ser jivvutaw għalija, ċioe l-MEPs Maltin, fil-Parlament Ewropew.
    Segwi aktar fuq dan is-suġġett u fuq il-ħidma tal-Parlament Ewropew fuq https://www.facebook.com/ParlamentEwropew 

    Dr. Peter Agius
    Kap tal-Ufficcju tal-Parlament Ewropew