It-traġedja li tkun anzjan

    Read in English.

    Il-mewt ta’ persuna anzjana li tkun ħalliet din id-dinja minħabba l-COVID-19 sfortunatament saret aħbar ta’ kuljum. Dawn l-imwiet saru statistika oħra jew dak li l-Papa Franġisku jsejħilhom, “imwiet anonimi”.

    Il-mewt ta’ dawn il-ħajjiet għażiża jitħabbru b’mod skjett u mingħajr sensitivita’ għal qraba. L-aħbar tiġi dejjem segwita bi stqarrija li “l-anzjan kellu kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri”, bħal li kieku l-vittmi kienu jmutu b’kawżi oħra xorta waħda.

    Riċerka li saret mill-‘Imperial College’ ta’ Londra tgħid li ħafna mill-vittmi tal-COVID-19 kien fadlilhom ħafna snin oħra x’jgħixu li kieku ma kienx għal pandemija. Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka wrew li f’ħafna każijiet il-pandemija naqqset minn tal-inqas għaxar snin mill-ħajja ta’ persuna anzjana.

    Din il-pandemija ma konniex ippreparati għaliha u biddlet ir-rutina ta’ kuljum, speċjalment l-mod ta’ kif l-anzjani jżommu kuntatt soċjali.

    Studju ppubblikat mill-Economist Intelligence Unit iktar kmieni din is-sena imsejjaħ, ‘Scaling Healthy Aging, Inclusive Environments and Financial security Today’, wera li anke qabel ma bdiet tinfirex il- COVID-19, ħadd mill-akbar ekonomiji tad-dinja (G20), ma kien lest għal kollox biex jagħti sostenn tajjeb lil persuni anzjani b’saħħithom, li huma finanzjarjament stabbli u b’ħajja soċjali attiva. Skont dan l-istudju, għalkemm li l-pajjiżi tal-G20 jipprovdu sistemi ta’ kura tas-saħħa tajba ħafna, mhumiex ippreparati tajjeb biex jipprovdu strutturi u istituzzjonijiet soċjali inklussivi għall-anzjani.

    Bil-pandemija dan in-nuqqas ħareġ aktar fid-deher. Dan jidher l-aktar fid-djufija tas-sistema tad-djar tal-anzjani meta ikun hemm xi mxijja li tittieħed bħal Coronavirus. Bl-effett devastanti tal-pandemija ir-residenti tad-djar tal-anzjani mhux biss intlaqtu ħażin iżda qed isofru wkoll minn iżolazzjoni soċjali, solitudni u depressjoni.

    L-iswali tar-residenzi li jixbħu ħafna lil dawk tal-isptar jillimitaw ħafna il-moviment tar-residenti. Sa ċertu punt, dan huwa inevitabbli għal persuni anzjani li huma dipendenti u li għandhom bżonn kura kostanti. Madankollu, disinn li jixbah is-sala ta’ isptar ma jistax jipprovdi la libertà u anqas spazju adegwat għal dawk li jgawdu livell ta’ indipendenza fiżika. Dawn it-tip ta’ residenzi qed ixekklu hafna il-livell ta’ kwalità ta’ ħajja u d-dinjità ta’ min jgħix fihom.

    F’Malta xi ta’ djar tal-anzjani kienu lukandi u ġew mibdula u, aktar riċenti, numru ieħor nbnew għal dan l-iskop.  Iżda il-maġġoranza ta’ dawn id-djar huma sovrapopolati u ma tantx joffru faċilitajiet moderni.  In-nuqqas ta’ żoni fejn l-anzjani jistgħu igawdu sens ta’ spazju, attivita’, intimita’ u privatezza jwasslu biex tizdied l-ansjeta’ u aġitazzjoni fir-residenti.

    Il-Gvern Malti joffri diversi servizzi taħt il-kappa ta’ “Anzjanità Attiva”. Dan il-qafas kunċettwali joffri forom differenti li permezz tagħhom l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunitajiet tagħhom u jgħixu stil ta’ ħajja indipendenti. Minkejja li l-lista ta’ servizzi u faċilitajiet offruti mil-gvern tidher komprensiva, biex wieħed ikun jista’ jibbenefika minnhom mhux daqshekk faċli għaliex huma miżgħuda b’formoli u bi proċessi burokratiċi. Jonqos fihom approċċ olistiku lejn il-kura komunitarja u l-aspett soċjali speċjalment għal dawk il-persuni li bi dħul baxx u huma vulnerabbli.

    Il-gvernijiet għandhom bżonn jibdlu l-approċċ tagħhom minn wieħed ta’ trażżin tal-ispejjeż u titli sbieħ għal mod li jiffokaw aktar fuq kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani. Minn naħa l-oħra, hemm bżonn li l-familji jittrattaw lill-anzjani tagħhom b’aktar dinjità u mhux iqisuhom bħala piż jew każi soċjali.

    Fl-aħħar enċiklika tiegħu “Fratelli Tutti”, il-Papa Franġisku jilmenta li “ma aħhniex nindunaw li l-iżolazzjoni tal-anzjani u l-abbandun tagħhom fil-kura ta’ ħaddieħor mingħajr akkumpanjament u attenzjoni adegwata mill-familja, timmina u tfaqqar il-familja nnifisha”.

    Il-pandemija, bl-iktar mod ikrah fetħet feriti qodma, jew aħjar, mistoqsijiet fundamentali dwar kif norganizzaw il-kura għall-anzjani, u kif inħarsu lejn l-anzjanità’ fis-soċjetà. Aħna lkoll responsabbli biex niżguraw li l-għeżież tagħna jingħataw id-dinjità, u l-kwalità ta’ ħajja mistħoqqa.

    Claudio Farrugia

    Catholic Voices Malta