It-tluq ta’ Joseph Muscat

    Miguela Xuereb

    Kulħadd jaf x’ġara dan l-aħħar f’pajjiżna, għaliex anke it-tfal iż-żgħar spiċċaw jitkellmu fuq is-suġġett. Però konvint li kull wieħed mill-qarrejja f’xi mument kellu xi mistoqsijiet li baqgħu mhux imwieġba, kif anke kelli jien stess.

    F’din l-istorja kollha kien hemm tliet tipi ta’ nies: – (1) dawk li riedu l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jissolva; (2) dawk li riedu li jekk hemm xi korruzzjoni tinkixef  u (3) dawk li akkost ta’ kollox riedu ras il-Prim Ministru fuq platt.

    L-isfortuna hija li dawn it-tlieta tħalltu u tbexxklu flimkien biex għamlu taħlita qarsa li ma tixraqx lil ħaddieħor. Kien hemm min ħa pjacir b’din it-taħlita qarsa għal skopijiet politiċi personali u kien hemm min fil-moħħ fqir tiegħu ħa din bħala xi okkażjoni politika simili għal dak li jiġri fl-aħħar ġimgħat ta’ qabel xi elezzjoni ġenerali, jew altrimenti xi vittorja; u sforz l-għoli tal-adrenalina fid-demm ġera lejn il-Belt u jekk kien hemm bżonn ma qagħdx lura minn li jkun ħamallu u addirittura jfajjar daqqa ta’ ponn f’wiċċ ta’ pulizija.

    Vittorja ma kienet għal ħadd. Li l-omiċidju ta’ Daphne jiġi solvut, jagħti n-nifs lil pajjiż kollu. Il-pajjiż se jkun neħħa balla minn fuq l-istonku, li setgħet tibqa’ titterrorizzah għal numru ta’ snin bħalma baqgħu l-każ ta’ Karin Grech u Raymond Caruana. Solvewh il-forzi tal-ordni – pulizija u armata. F’dan id-dawl ma nifhimx ċerta reazzjonijiet negattivi fil-konfront tal-Pulizija u l-Kummissarju tagħhom.

    Ma’ dan il-każ bdew ħerġin allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, prinċipalment b’konnessjonijiet bejn nies akkużati u membri tal-gvern. B’daqshekk ma jfissirx illi li l-membri tal-gvern involuti bilfors kienu jaf bl-involviment tal-akkużat fil-każ Daphne. U jista’ jkun kienu jafu wkoll. Wieħed irid jistenna x’se joħroġ fil-Qorti, biex ikun jaf u jagħmel il-konklużjonijiet veritieri. Fuq dan is-suġġett ma nistax ma nirrimarkax li dak li jgħidu l-akkużati għandu jittieħed b’ċertu kawtela, għaliex jista’ jkun biss reazzjoni naturali ta’ bniedem qed jegħreq u jipprova jiġbed lil kulħadd miegħu.

    L-iżball tal-Prim Ministru huwa illi wara li ħareġ isem membri tiegħu fil-Panama Papers ma neħħiex mill-ewwel lil dawn in-nies minn karigi pubbliċi, bħala ma għamel ma’ nies oħra li l-ħażen tagħhom forsi ma kienx daqshekk gravi. Ta’ dan patta qares għax spiċċa l-oġġett tax-xalata ta’ dawk li riedu rasu fuq platt tad-deheb akkost ta’ kollox.

    Nibda billi ngħid illi konvint moralment li l-Prim Ministru ma kellu l-ebda għarfien dwar min kien involut fil-każ salv is-suspetti tal-pulzija u tas-servizzi sigrieti. Il-Prim Ministru fada lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u kompla jagħtihom il-fiduċja anke wara l-Panama Papers. Huwa ta’ dan u ta’ dan biss li Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabilità. Dan unikament għal ġieħ tar-regola tar-res ips loquitur li tfisser illi ċerta atti minnhom infushom jagħtu prova tan-negliġenza, mingħajr il-ħtieġa ta’ prova oħra.

    Dan kollu wassal biex il-Prim Ministru ġie kostrett iċedi postu qabel il-waqt u ħabbar elezzjoni ta’ mexxej ġdid għall-partit f’Jannar. Din hija l-unika kundanna li kien fid-dmir jerfa’ l-Prim Ministru u għalhekk l-għajta ta’ dawk li jridu l-‘pound of flesh’ , l-għajta ta’ dawk li jridu jassoċċjaw lill-Prim Ministru mal-assassinju ta’ Daphne, l-għajta ta’ dawk li jridu lil Muscat investigat, l-għajta ta’ dawk li jridu jassoċċjaw lill-Prim Ministru ma’ xi korruzzjoni  ta’ ħaddieħor, u l-għajta ta’ dawk li akkost ta’ kollox iridu ras Joseph Muscat fuq platt, huma biss għajtiet fanatiċi, għajtiet politiċi ta’ min ma jaċċettax il-fatt li f’demokrazija mhux dejjem tista’ tmexxi int jew in-nies tiegħek.