It-tim nazzjonali tal-futbol: Bqajna fejn konna

    It-tim nazzjonali Malti tal-futbol temm l-impenji tiegħu fil-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2020 u l-partitarji kollha ħarġu ddiżappuntati bir-riżultati li ksibna. Irbaħna logħba waħda biss kontra l-Gżejjer Faroe, spiċċajna l-aħħar fil-grupp, skurjajna l-miżerja ta’ tliet gowls u qlajna sebgħa u għoxrin. Ma nistax ma nsemmix ukoll li tlifna 7-0 ma’ Spanja “away” u waqajna għar-redikolu mal-Ewropa kollha.

    Bħala bniedem illi ili nsegwi l-futbol lokali mis-snin sittin, naħseb li l-problema tinsab fil-fatt li l-kowċ nazzjonali kellu numru limitat wisq ta’ plejers li seta’ jsejjaħ għat-tim nazzjonali. Dawk minna li ilhom isegwu l-futbol lokali jafu li anke wħud mill-plejers li hemm illum fl-iskwadra tat-tim nazzjonali probabbli li lanqas biss kienu jkunu jiffurmaw parti minnha fis-snin imgħoddija. Dan għaliex il-livell tagħhom huwa wieħed relattivament baxx.

    Kellna problema kbira biex niskurjaw. Tliet gowls f’għaxar logħbiet hija rata tassew tal-mistħija. Il-fatt biss li l-kowċ nazzjonali kellu jibqa’ jsejjaħ u anke kultant jilgħab lil Michael Mifsud jindika kemm aħna xotti fuq quddiem fit-tim. Dan għaliex Michael Mifsud illum huwa f’età avvanzata għal plejer tal-futbol imma bqajna ma sibna lil ħadd li joqrob lejn il-kwalità tiegħu u li jista’ jkun sostitut denju tiegħu. Naturalment, inutli ngħid li fid-difiża batejna ħafna wkoll, kif jindika n-numru ta’ gowls li qlajna.

    Meta tara kif pajjiżi oħra li kienu tamparna fil-logħba tal-futbol, illum imxew ‘il quddiem u qed jiksbu sodisfazzjon wieħed wara l-ieħor, tasal tistaqsi kif aħna bqajna fejn konna. Investiment fil-faċilitajiet tal-futbol lokali sar, għandna wkoll nurseries ma’ kull rokna tal-Gżejjer Maltin, daħħalna ċerta serjetà fil-mod kif isiru l-affarijiet konnessi mat-tim nazzjonali, plejers li lagħbu jew għadhom jilagħbu barra minn Malta għandna wkoll, imma r-riżultat baqa’ l-istess! – Għalhekk, nasal għall-konklużjoni li fil-każ tagħna hija kwistjoni ta’ demografija. Għandna ftit wisq minn fejn nistgħu nagħżlu.

    Nawgura li minkejja dan kollu, ‘il quddiem it-tim nazzjonali Malti jikseb suċċess fil-kamp internazzjonali tal-futbol.