It-testment tal-Isqof Mario Grech

    Kull mibdi mitmum. U hekk intemmu s-snin ta’ Episkopat tal-Isqof Mario Grech mid-Djoċesi ta’ Għawdex. Forsi aktar kmieni minn li kien mistenni, però għal raġuni tajba. U f’dan ir-rigward nieħu l-okkażjoni biex minn din il-paġna nawguralu kull suċċess fil-kariga ġdida u dinjituża fdatha lilu.

    Filmat: L-Isqof Grech jirrakkonta x’qallu l-Papa

    L-Isqof Grech ġie appuntat Isqof ta’ Għawdex fis-sena 2006 u kwindi dam f’din il-kariga kważi 14-il sena. Ħa r-riedni tad-djoċesi mingħand l-Isqof Nikol Cauchi li kien ilu f’dan l-irwol għal 38 sena sħaħ.

    Kif jingħad, il-musmar il-ġdid jaqla’ l-qadim u ċertament mal-ħatra tal-Isqof Grech wieħed seta’ jinnota affarijiet ġodda fl-amministrazzjoni tad-djoċesi. Ċertament li l-Isqof Grech kien aktar strumentali fl-organizzazzjoni tad-djoċesi. Kull min hu midħla seta’ jinnota kurja aktar organizzata u aġġornata. Fuq kollox, u mingħajr ma nidħol f’dettalji ċerta affarijiet saru ċari u trasparenti aktar milli kienu qabel.

    L-Isqof Grech irnexxielu jżomm id-dinjità tal-uffiċċju tiegħu, fejn filwaqt illi barra l-bibien tal-kurja dejjem kien dak ir-ragħaj twajjeb man-nies, fil-bibien tal-uffiċċju tiegħu qatt ma ħalla lil min jinfluwenzah, jew japprofitta minn xi sitwazzjoni. Kien fatt magħruf illi ħafna nies kienu jħobbu jmorru direttament għand l-isqof b’xi lment ċuċesk, jew fil-konfront ta’ xi qassis jew fil-konfront ta’ xi sitwazzjoni partikolari li tinvolvi l-Knisja. Filwaqt li l-Isqof Grech qatt ma tefa’ barra lil ħadd, dejjem għaraf illi fejn dawk l-ilmenti kienu vessatorji, għalaq il-bibien mill-ewwel b’mod diplomatiku. U jidher illi n-nies tgħallmet illi l-Kurja Veskovili mhix il-post fejn wieħed imur ibattal dak li jiġih f’moħħu jew jimmaġina, fil-konfront tal-Knisja jew il-ministri tagħha.

    L-Isqof Grech ħareġ bl-unuri kollha fejn jidħlu każi ta’ abbużi minn saċerdoti.  Tul l-Episkopat tiegħu sfortunatament qamu xi każijiet minn dawn. L-Isqof, għalkemm konvint li weġġa’ personalment b’dawn il-każi, ma qies xejn għajr li ssir ġustizzja u ma ddejjaqx jgħaddi każi bħal dawn lill-awtoritajiet.

    Attribut ieħor tal-Isqof Grech kien l-isforz tiegħu li jinżel fil-livelli ta’ kulħadd u jagħti prova li l-bibien tal-Knisja huma tassew miftuħa għal kulħadd. F’soċjetà li kulma jmur qed tkun aktar bierda lejn il-ħtiġijiet spiritwali tagħha, l-aktar fil-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ, l-isforz kellu jkun wieħed konsiderevoli. Għalkemm l-Isqof Grech għamel l-almu tiegħu f’dan ir-rigward, sfortunament mhux dejjem kellu r-riżultati mixtieqa, forsi wkoll minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni u l-eżempju ta’ ċertu kappillani, xi qassisin, jew anke xi lajċi li moħħhom biex jiżirgħu s-sikrana.

    Fejn jidħlu ħatriet fid-djoċesi speċjalment fil-ħatriet ta’ kappillani u arċiprieti, l-Isqof Grech dejjem żamm indipendenza assoluta, fejn ma ħalliex id-deċiżjonijiet tiegħu jkunu influwenzati minn fatturi oħra. Anzi jista’ jingħad bla tlaqlieq li ma ddejjaq xejn imur kontra l-kurrent fejn l-inklinazzjoni tal-poplu kienet xorta oħra.

    Finalment l-Isqof Grech qatt ma ddejjaq jieqaf u jċanfar kull fejn kien hemm il-ħtieġa, u anke jekk kien hemm bżonn b’xi minaċċa sottili.

    Minn naħa anqas pożittiva tul l-Episkopat ta’ Monsinjur Grech rajna li fejn tidħol propjetà u ġid, il-kurja mxiet b’linja negozjanta għall-aħħar. Dan b’mod kuntrarju għal komprensjoni u ħniena li kienet tispikka fi żminijiet oħra. Ħadd ma għandu jippretendi li xi ħadd inkluż il-Knisja ma tiħux ħsieb l-interessi tagħha kif suppost, iżda ma huwa l-ebda sigriet illi f’xi okkażjonijiet fis-snin riċenti fejn tidħol propjetà l-Knisja mxiet, b’id tal-ħadid anke fejn kien hemm il-bżonn li tkun ħanina u tersaq għal kompromess. Kien hemm okkażjonijiet fejn, minkejja li l-privati waslu bejniethom billi kulħadd ċeda biċċa, il-kurja ta’ Għawdex fittxet anke ċ-ċenteżmi. U din ir-rigorżità kienet negattiva u nħasset sew għax weġġgħet il-qlub.

    L-isqof il-ġdid li jrid isir probabbilment fis-sena li ġejja għandu triq imħejjija tajjeb fuq xiex jimxi; għandu għalqa maħruta li issa jrid ikompli jiżraha u jikkultivaha, filwaqt li jkun attent għal ħaxix ħażin li minn żmien għal żmien jinbet bejn il-prodotti.