It-tagħlim virtwali jeħtieġ jibqa’ għażla

    Jekk verament nixtiequ li l-edukazzjoni għall-istudenti tagħna tkun iktar aċċessibbli għal kulħadd, għandna nżommu l-għażla ta’ lezzjonijiet online, lil hinn mill-kuntest tal-pandemija.

    F’laqgħa li kelli mal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG), fissirt kif din il-flessibilità għandha potenzjal kbir li tgħin lill-istudenti preżenti, iżda wkoll tattira iktar individwi lejn l-istudju.

    It-tagħlim online għandu jkun biss għażla, u m’għandux jibdel għal kollox it-tagħlim tradizzjonali. Investiment fit-tagħlim virtwali jagħmel l-edukazzjoni aktar aċċessibbli. Dan jagħti opportunitajiet ġodda lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex isaħħu l-ħiliet tagħhom għal dinja tax-xogħol moderna, u kif ukoll lill-istituzzjonijiet edukattivi lokali biex jikkompetu f’suq globali kompetittiv.

    Is-sejħa biex l-għażla alternattiva ta’ tagħlim online tibqa’ b’mod permanenti qiegħda ssir minn diversi studenti, fosthom il-GUG, f’isem l-istudenti Għawdxin, li wkoll bbenefikaw minn din l-opportunità matul l-imxija tal-COVID-19. Bl-istess mod, numru ta’ żgħażagħ li qed jiġġieldu mal-marda tal-kanċer, faħħru l-benefiċċji tat-tagħlim virtwali hekk kif qalu li setgħu jibqgħu għaddejjin bl-istudji tagħhom permezz tal-għodda virtwali.

    Iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħna m’għandhomx itellfulna ċ-ċans li niżviluppaw: ladarba għandna l-mezzi, ejja nużawhom. It-tagħlim virtwali huwa l-aqwa għodda li għandna biex nagħmlu l-edukazzjoni aċċessibbli għal kulħadd.

    Dwar l-inizjattiva favur il-flessibilità fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li tnediet ftit tal-ġimgħat ilu, ninsisti li l-istess vantaġġi tal-flessibilità fix-xogħol, qiegħdin fil-flessibilità fl-istudju. Ma nistgħux nistennew li nilħqu bilanċ denju bejn il-ħajja privata u x-xogħol jekk l-użanzi t-tajbin ma nadottawhomx miż-żgħożija.

    Insejjaħ għal investiment serju, u għas-sinerġiji bejn is-settur pubbliku u privat, sabiex jikbru l-opportunitajiet għal tagħlim b’mod diġitali.