It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 8

    Ix-xena lokali
    Fix-xena lokali, leħen waħdu għamel l-ewwel pass kuraġġuż barra l-ħitan tal-istituzzjoni soċjali tiegħu fuq din il-blata li jidher li qed tinxef mill-imħuħ intelletwali.
    Il-mibki Mons. Professur Carmel Sant, fl-20 ta’ Diċembru 1986, kien għamel diskors fiċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni fis-seminarju f’Tal Virtù. Fid-diskors tiegħu “l-ambjent naturali: perspettiva biblika” qal b’mod ċar: “Hija r-responsabbiltà morali tal-bniedem li jindokra l-ħolqien madwaru ta’ Alla, li fuqu hija msejjsa l-eżistenza fiżika, u l-kobor spiritwali tiegħu stess”. “Għalhekk mhux biss dan hu fil-kompetenza tal-Knisja u l-Ministri tagħha li jindaħlu u jieħdu pożizzjoni biex jiddefendu l-ambjent, imma hija d-dover tagħha wkoll.”
    Ta’ min wieħed hawnhekk iżid li dak iż-żmien iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni kienet saret fis-seminarju Tal-Virtù għaliex il-Fakultà tat-Teoloġija ma baqatx l-Università f’tal-Qroqq bl-iskuża li dan it-tagħlim u studju ma kellhomx ikunu sussidjata minn flus pubbliċi.
    Aktar qrib tagħna rajna li d-Djoċesi tal-Knisja f’Malta waqqfet il-Kummissjoni tal-Ambjent tal-Knisja. Dan l-aħħar snin din il-Kummissjoni wessgħet il-firxa tagħha biex tiġbor fiha wkoll id-Djoċesi ta’ Għawdex. Din ħadet numru ta’ pożizzjojijet matul is-snin dwar il-biodiversità, u wieħed jittama li tkompli tkun attiva kif kienet qabel anzi tikber u tibqa’ tagħti sehemha fid-dawl tar-responsabbiltajiet tagħha fuq it-tagħlim tal-Bibbja u anki fuq it-tagħlim u t-tmexxija tal-Papiet li kollha qed juru t-triq ’l quddiem, kemm għall-ħarsien tal-ħolqien, kif ukoll għat-tmexxija spiritwali.
    Hekk naraw li llum, kważi ġenerazzjoni wara, l-imbatt ta’ dawn il-mewġiet ta’ tagħlim fl-aħħar waslu fil-gżejjer tagħna wkoll. Imma kif ġieli għidt kemm-il darba dan mhux xi responsabbiltà tal-Knisja biss. Hija responsabbiltà ta’ kull entità soċjali f’pajjiżna, kemm jekk din hija kummerċjali, legali, edukattiva, trejdunjonistika, u ma għandniex xi ngħidu anki dik politika, li ġġor l-akbar responsabbiltà.
    Wieħed ma jistax jgħid li l-ħarsien tal-ħolqien f’pajjiżna qed jingħata l-importanza li jixraqlu. Anzi jidher u jinħass sewwa li l-viżjoni tal-ħarsien tal-ħolqien f’pajjiżna qed titnaqqar sewwa taħt is-saħħa u toqol ta’ interessi kummerċjali, kif spjegat fit-twissijet u t-tagħlim tal-Papiet fuq dan is-suġġett.
    Fl-artiklu li jmiss nagħlqu bit-tagħlim modern tal-Papa Franġisku: tagħlim li juri d-direzzjoni lil dawk li jridu sinċerament u minn qalbhom iħarsu l-ambjent mhux għal xi għan personali tagħhom, imma b’responsabbiltà soċjali, ekoloġika, ekonomika  u fuq kollox spiritwali.

    Alfred E Baldacchino
    Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u l-­Immaniġġar tal­-Ambjent
    aebaldacchino@gmail.com
    alfredbaldacchino.wordpress.com