It-tagħlim online: Stressanti għall-ġenituri għalliema u jgħarraq studenti minn familji traskurati

    Tul il-karriera tiegħi ta’ edukatur għallimt fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva: fil-Primarja, Sekondarja, Post-Sekondarja u anke għamilt xi snin bħala Visiting Lecturer fil-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta kif ukoll sena mmexxi l-Lifelong Learning Centre fl-Imsida. Għalhekk, issa li rtirajt, ma nistax ma nibqax ninteressa ruħi f’dak kollu li jsir fl-edukazzjoni fil-Gżejjer Maltin.

    Nies bħali li għandhom ċerta età u tista’ tgħid ma laħqu xejn mis-sistemi teknoloġiċi ġodda li llum huma midħla tat-tagħlim, ma jistgħux ma japprezzawx il-progress u l-avvanzi li saru permezz ta’ dawn l-għodod edukattivi moderni. Dan l-aħħar qed naraw mod ġdid ta’ tagħlim, it-tagħlim online li qed jieħu l-post tal-iskola sakemm tgħaddi l-kriżi tal-COVID-19. Għaż-żminijiet li ninsabu fihom, din sistema tajba imma ġġib magħha anke ċerti żvantaġġi għal numru ta’ nies.

    Ħa nibda b’dawk il-ġenituri li huma wkoll għalliema. It-tagħlim online huwa stressanti ħafna fuq min ikollu tfal żgħar id-dar u ma jkollux ukoll l-appoġġ ta’ xi ħadd ieħor matul il-ġurnata. Ejjew nieħdu l-eżempju ta’ omm b’xi żewġt itfal żgħar u li tkun single mother jew li r-raġel tagħha ikun xogħol matul il-ġurnata. Jekk din tkun għalliema u trid issegwi skeda ta’ lezzjonijiet li trid tagħti online, huwa diffiċli ħafna li tagħmel hekk meta jkollok xi tarbija qed tibki u xi tifel żgħir irid l-attenzjoni wkoll. Niftakru li mhux kulħadd jista’ jħalli t-tfal man-nanniet.

    Minbarra l-aspett soċjali hemm ukoll l-aspett purament edukattiv. Jiena tul il-karriera edukattiva tiegħi ltqajt ma’ ħafna tfal li b’dispjaċir ngħid li kienu ġejjin minn familji fejn il-ġenituri jew min kien jieħu ħsiebhom qajla kienu jagħtu kas tal-edukazzjoni. Dawn studenti li jaqgħu lura fl-edukazzjoni tagħhom, ma jieħdux il-ħajja skolastika bis-serjetà u jippruvaw ma jagħmlux ix-xogħol li jagħtuhom l-għalliema. U meta tipprova tiġbed l-attenzjoni ta’ min jieħu ħsiebhom, dawn tal-aħħar ma juru interess ta’ xejn, jekk mhux anke joffendu ruħhom li qed tipprova tiġbdilhom l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni tat-tfal.

    Meta tfal bħal dawn ikunu taħt għajnejk l-iskola, tista’ taċċerta li għallinqas ċertu minimu ta’ xogħol tieħdu mingħandhom billi tipprova tqajjem l-interess tagħhom fis-suġġett, kif kull għalliem professjonali kapaċi jagħmel. Imma meta jkunu d-dar mal-ġenituri jew nies oħra li jieħdu ħsiebhom u li ma juru interess ta’ xejn fl-edukazzjoni tagħhom, dawn iktar se jaqgħu lura, speċjalment meta tqabbilhom ma’ tfal oħra tal-klassi tagħhom li d-dar isibu appoġġ sħiħ fl-edukazzjoni minn min jieħu ħsiebhom.

    Ftit ilu kont qed nitkellem ma’ għalliema frustrata li qaltli li kemm ilna li bdejna bit-tagħlim online, għandha student partikolari li meta tibgħatlu x-xogħol jinkorah, meta tagħti lezzjoni online ma jidħolx isegwiha, u meta tipprova tikkuntattja lill-ġenituri tiegħu jinjorawha. Dan student li diġà waqa’ lura fl-edukazzjoni tiegħu u l-għalliema hija totalment impotenti quddiem sitwazzjoni bħal din. Tista’ tinforma l-awtoritajiet tal-iskola dwar dan imma ġieli anke lil dawn jinjoraw il-ġenituri tat-tip li semmejt.

    Bit-tagħlim online għandek ukoll il-problema tan-nuqqas ta’ ħiliet soċjali (social skills) ta’ ċerti studenti. Hawn studenti li d-dar ma jgħallmuhom xejn dwar kif għandhom iġibu ruħhom mal-oħrajn. L-iskola tagħmel tajjeb għad-defiċjenza ta’ parental skills min-naħa tal-ġenituri. Dan, però, ma jistax isir meta t-tagħlim isir online u mhux l-iskola.

    Biex nikkonkludi, illum ippruvajt nuri li minkejja li t-tagħlim online huwa metodu progressiv u sabiħ li tipprovdilna t-teknoloġija moderna, dan qatt ma jista’ jieħu post l-iskola bħala l-aqwa mezz tal-edukazzjoni ta’ uliedna. Fi żminijiet bħal dawn li ninsabu fihom, it-tagħlim online huwa l-unika alternattiva li għandna meta l-iskejjel ikunu magħluqin. Biss, hija soluzzjoni temporanja. Xejn ma jista’ jieħu post l-iskola bħala l-aħjar mezz ta’ tagħlim, sew tal-ħiliet akkademiċi kif ukoll dawk soċjali.