Issa se nsiru veri Laburisti! – Prosit, Dr Robert Abela

    Bħalissa aħna l-Laburisti li dejjem bqajna wara l-Partit Laburista, anke fl-agħar żminijiet, qed ngħixu ħolma sabiħa. Dr Robert Abela qed jagħtina dik it-tama li kważi konna tlifna għal kollox fl-aħħar ftit snin. Fl-aħħar qed naraw Prim Ministru u Mexxej tal-PL li qed jaħdem biex jieħu lill-Partit lura lejn l-għeruq tiegħu, lura lejn il-valuri li għalihom twaqqaf mitt sena ilu.

    Dr Abela qed jesiġi d-dixxiplina mingħand kulħadd. Qed jesiġi l-governanza tajba, ir-renju tas-saltna tad-dritt, it-trasparenza fl-operat tal-Gvern u, fuq kollox, il-kontabilità min-naħa tal-membri tal-Gvern. Dan kollu biex isostni l-missjoni tal-Partit Laburista fil-Gvern li hija l-ħolqien tal-ġid permezz ta’ ekonomija b’saħħitha u vibranti, il-ġid li mbagħad jitqassam fost is-saffi kollha tas-soċjetà Maltija.

    Aspett ieħor tat-tmexxija ta’ Dr Robert Abela huwa l-bilanċ f’kull aspett tal-amministrazzjoni tal-pajjiż. Irid ikun hemm il-bilanċ bejn l-esiġenzi tal-Istat u l-interessi taċ-ċittadin; bejn il-protezzjoni tal-ambjent u l-bżonnijiet tal-iżvilupp; bejn il-bżonnijiet ta’ min iħaddem u dawk tal-ħaddiema. L-idea tiegħu li l-PL ma jibqax biss “pro-business” imma jimxi pass ‘il quddiem minn dan il-kunċett u jsir “pro-market”, fejn jipproteġi sew l-interessi tan-negozju kif ukoll dawk tal-konsumaturi, hija waħda ġenjali.

    Dr Abela semma wkoll il-ħolqien ta’ kummissjoni fi ħdan il-Partit Laburista li tara li l-membri kollha jimxu skont il-valuri u t-twemmin tal-Partit. Din ukoll hija idea tajba għaliex fi ħdan il-Partit Laburista hemm bżonn ħafna aktar dixxiplina. Nies li jpoġġu l-interessi tan-negozju l-ewwel m’hemmx posthom fil-Partit Laburista. Dan japplika wkoll għal min juża s-social media għal skopijiet ta’ tgħajjir u l-ħolqien tal-firda politika.

    L-għaqda kienet tema rikorrenti fid-diskorsi tal-Prim Ministru l-ġdid. Għaqda li tibda fil-Partit Laburista u li tiġi riflessa fil-kumplament tas-soċjetà Maltija, jiġifieri l-għaqda nazzjonali. Għaqda li l-aqwa manifestazzjoni tagħha għandha tkun il-ħidma tal-Gvern u l-Oppożizzjoni li jaħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż kollu, taċ-ċittadini tiegħu.

    Nawgura lill-Prim Ministru u lit-tim tiegħu suċċess fil-ħidma tagħhom