Issa se nibdew intellqu fit-toroq? – Meta se naqtgħu dan il-ksuħat perikoluż?

    Dħalt fuq l-internet biex insegwi l-aħbarijiet lokali u qrajt li l-Ħadd li għadda, f’erba’ sigħat, il-pulizija qabdu 80 ruħ isuqu b’veloċità eċċessiva. Ingħatat ċitazzjoni lil sewwieq li saħansitra kien għaddej b’veloċità ta’ 143 kilometru fis-siegħa! – Komplejt naqra u iktar iddisgustajt ruħi meta qrajt li f’xahar, f’xogħol ta’ dan it-tip mill-pulizija, ingħataw ċitazzjonijiet lil 341 sewwieq għal xi ksur jew ieħor tar-regolamenti tat-traffiku!

    Issa donnu se tibda ssir drawwa li naqraw b’mod regolari dwar dawn il-ħniżrijiet li qed isiru fit-toroq ta’ Malta u Għawdex. Għandna minoranza ta’ nies immaturi u rresponsabbli li jpoġġu fil-periklu l-ħajja ta’ min ikun qiegħed isuq għall-affari tiegħu u josserva r-regolamenti kollha tat-traffiku. Se nispiċċaw li anke nhar ta’ Ħadd familja ma tistax toħroġ dawra bil-karozza mingħajr ma titpoġġa f’periklu minn erba’ mġienen li la jibżgħu għal ħajjithom u lanqas għal dawk tal-oħrajn?

    Hemm bżonn li l-Gvern Laburista jkompli jirsisti kemm jiflaħ biex il-proġett tat-trakka tal-karozzi fil-Gżejjer Maltin isir realtà. Naf li l-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex iwettaq din il-ħolma tad-dilettanti tal-karozzi imma rridu nżidu l-isforzi tagħna ħalli jinqatgħu darba għal dejjem l-abbużi li qed isiru bħalissa fit-toroq ta’ Malta u Għawdex.