Is-sitwazzjoni tal-PN

    Mhu l-ebda sigriet li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn l-agħar żmien tiegħu – żmien li l-anqas trid tarah fuq l-iżgħar kumitat, tal-iżgħar għaqda. Imma għaliex? Il-problema ma twelditx illum, il-problema ilha ġejja. Ilha ġejja miż-żmien li l-partit kien għadu fil-gvern. It-tnaqqis tal-voti beda minn dakinhar u kompla jiżdied. Dakinhar il-poter kien tela’ għal ħafna rjus ta’ Bazzjonalisti li emmnu li Kastilja kienet ċens perpetwu tagħhom. Dawn in nies fosthom politiċi ewlenin kielu,żifnu u għoxew, bla ma ħasbu għall-għada. Għamlu bħax-xebbiet il-boloh tal-Vanġelu u meta ġie l-għarus baqgħu jittewbu. Dan kien evidenti b’mod speċjali fl-aħħar snin, wara li warrab Eddie Fenech Adami. Dakinhar il-partit ma ħasibx għall-għada, ma ħasibx għall-familji, ma ħasibx għaż-żgħażagħ, ma ħasibx għall-ħaddiem iżda ħaseb għalih innifsu u għal dawk verament fiċ-ċirku imminenti tiegħu. It-tmexxija tal-partit kienet tidher dgħajfa wisq biex tqum fuq saqajha u tagħmel xi ħaġa.

    U minn hemm beda jiġġelġel il-Partit Nazzjonalista. Il-voti bdew jonqsu. U per konsegwenza minn l-ewwel bdew ir-rebħiet bi tkaxkira tal-Partit Laburista mmexxija minn Joseph Muscat bħala mexxej ġdid, li fl-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħu diġà kellu jaffrontah partit bil-pedamenti mġelġlin.

    Wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena 2013 inħatar Simon Busuttil bħala kap. Busuttil kellu s-suċċessi tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Iżda dak kien biżżejjed? Ħafna ħasbu li għaliex Busuttil kien ġab numru ta’ voti fl-elezzjoni tal- Parlament Ewropew kien se jkun mexxej tajjeb li jġib lura l-voti u n-nagħaġ mitlufa. Iż-żmien ta l-parir tiegħu. Fil-politika mhux kull min jagħmel suċċess individwali hu tajjeb biex isir mexxej. Is-suċċess individwali jista jkun dovut għal diversi fatturi fosthom ix-xorti ta’ dak li jkun. Biex tkun mexxej hi storja kompletament differenti. Mexxej irid jaffronta l-mewġ  u l-maltemp aktar minn kull politiku ieħor. Biex tkun mexxej għandek bżonn kwalitajiet ferm differenti. Bla ma nidħol fil-merti u fid-dettalji tat-tmexxija ta’ Busuttil, ngħid illi bħal ma jaf kulħadd din it-tmexxija ftit li xejn ħalliet ir-riżultati mixtieqa għal partit, anzi nazzarda ngħid li kienet fjask mill-bidu sat-tmiem.

    Busuttil kellu quddiemu opponent li mal-ewwel elezzjoni tiegħu kiseb suċċessun u kiseb il-kariżma tan-nies. Biex jipprova jxejjen lil dan il-bniedem flok ma mbarka fuq pjan ta’ kritika kostruttiva uża l-arma tan-negattività bla ma għaraf illi dik l-arma kienet tispara bil-kontra. Hemmhekk il-partit kompla jitlef u jiddgħajjef u jgerrex in-nies. Ħadd ma jrid ikun parti minnpartit moħli li jikkritika l-passat, bla ma jħares lejn il-futur. F’dan iż żmien saru żbalji politikament immaturi fil-partit bħal pereżempju meta l-partit ċeda żewġ siġġijiet lill-Partit Demokratiku – żbalji li komplew urtaw u gerrxu n-nies mill-partit.

    Wara li ċeda postu minn kap, Busuttil għażel li jibqa’ hemm. Dan kuntrarjament għal dak li għamlu mexxejja bħalu fiż-żewġ partiti, li meta warrbu minn kap warrbu ’l barra baxx baxx u saħansitra ċedew is-siġġu parlamentari tagħhom. Busuttil għażel li jibqa’ hemm u jipparteċipa b’mod attiv. Baqa’ hemm imdawwar bin-nies tiegħu. Laħaq Delia li wkoll ħoloq iċ-ċirku tiegħu.Il-PN issa ġie b’żewġ ċrieki b’żewġ mexxejja. Meta f’xehda naħal titwieled reġina ġdida, in-natura tiddetta li waħda minnhom trid titlaq u ddabbar rasha. Iżda l-PN sfida din ir-regola u ġie miexi b’żewġ irġejjen. Dan bil-konsegwenza li l-partit beda jiffoka fuq il-ġlied intern minflok fuq xogħlu ta’ Oppożizzjoni denja. U minn hemm inħoloq ċirku vizzjuż li mhux faċli titterminah.

    Minn l-ewwel siegħa li rikeb il-karru Adrian Delia, ma ħax nifs suriet in-nies. Żgur li ma seta’ qatt jagħmel xogħlu ta’ kap tal-Oppożizzjoni! Dan kollu ssarraf f’aktar telf għal Partit Nazzjonalista li beda jidher bħala ħaġa xejn attraenti, anzi ta’ min jiskartaha, u aktar gwadann għal Partit Laburista.  Illum lanqas il-mexxej il-ġdid (Delia) ma jista’ jagħmel xejn għaliex anke jekk intortament, dan tilef il-fiduċja ta’ ħafna nies minn tiegħu stess.

    Illum, il-partit, darba glorjuż, jinsab jitkaxkar għal żaqqu fl-art, imkisser u fost affarijiet oħra mgħobbi bi djun sostanzjali li komplew joktru aktar ma kompla joktor it-tgerfix. Is-soluzzjoni trid tinstab malajr u dan għal ġid mhux biss tal-PN iżda anke tal-gvern li bħal kull gvern demokratiku ieħor għandu bżonn Oppożizzjoni suriet in-nies li tiġbidlu widnejh meta u kif suppost għall-ġid tal-pajjiż. Is-soluzzjoni ma nafx jistax jagħtiha Louis Galea li gie maħtur għal dan il-għan, għaliex sakemm Louis Galea jrid jibqa jaħdem bl-istess li hemm fil-partit, u li man-nies tat-triq tilfu kull kredibilità, se jibqa’ jkollu l-istess riżultati. Jekk se tibqa’ taħrat bl-istess ħmir l-istess ħsad se jkollok. Issoluzzjoni hi waħda li bl-Ingliż jgħidulhspring cleaning u bil-Malti pur jgħidulha tqaċċit tal-irjus.

    Dr Kevin Mompalao huwa avukat li jispeċjalizza fil-liġi ċivili u amministrattiva