Is-sitta u għoxrin ta’ Ġunju

    Is-26 ta’ Ġunju huwa l-jum internazzjnali kontra l-abbuż tad-droga. Data meta l-Aġenzija Sedqa ukoll kienet twaqqfet fl-1994 u għalhekk għandha ukoll l-anniversarju. Kulħadd jaqbel fuq l-effetti ħżiena tad-droga fuq il-persuna u kulħadd jaqbel ukoll mal-kundanna ta’ dan l-abbuż. Iżda wara din il-problema hemm individwi mweġġgħa u l-familji tagħhom. Individwi li bl-għajnuna neċċessarja u b’ħafna sapport huma ukoll kapaċi li jħallu l-problema warajhom.

    Imma meta jaslu li jagħmlu dan il-pass xi jsibu? Tajjeb li ngħidu li dan hux pass faċli għax id-dipendenza fuq id-drogi tidħol fil-font u wieħed jista jaqa lura kemm il-darba qabel ma jasal li jħalli l-problema warajh għal kollox. Min hu jew kien dipendenti fuq id-droga jaf li apparti d-dipendenza fiżika u dik psikoloġika għandhom problemi oħra x’jiffaċċja. Mhux qed ngħid li dawn huma ħfief imma l-istorja ma tiqafx hawn.

    Nibda billi nsemmi l-aktar aspett wiesa – dak ta’ ri-integrazzjoni fis-soċjeta: li fl-aħħar mill-aħħar hija l-iskop għalfejn isir dan l-isforzz. Id-droga titfek l-barra mis-soċjeta u minnħabba fiha tagħmel atti li xejn ma jingħoġbu mill-oħrajn. Ħafna atti anti-soċjali ma jħallukx tkun parti mis-soċjeta u bil-fors li ta’ madwarek iħarsu bl-ikraħ. Ħadd ma jieħu gost min jisirqu eċċ…. Żgur kulħadd jifhmu dan imma wara li persuna tkun għamlet dak kollu meħtieġ inkluż programmi ta’ riabilitazzjoni, wieħed jistenna aktar sapport. Qabel ma persuna terġa tipprova tagħmel parti ntegrali mis-soċjeta huwa mportanti li d-dejn kollu jkun tħallas. U wara?

    Jekk persuna kienet il-ħabs jew f’xi programm u forsi mhux qrib il-familjari, trid fejn joqgħod, trid ix-xogħol, tixtieq ikollha familja … wieħed dejjem jittama li dak kollu li wieħed kellu jħallas tħallas, imma b’sistema bħal ma għandna fejn persuna tista tkun għamlet programm ta’ riabilitazzjoni imma għad għandha każijiet x’jitressqu, jista jkun li l-investiment ta’ l-individwu u tal-programm ikun fl-vojt jekk se terġa tidħol il-ħabs.

    Imma ejja nassumu li dan mhux il-każ: ħarġet minn fejn ħarġet il-persuna jew forsi ukoll għamlet programm fil-kommunita, din trid l-ewwel ħaġa ssib ix-xogħol – sabiex tkun tista tgħix, tħallas il-kera u l-bżonnijiet l-oħrajn kollha. U min se jħaddmek jekk il-kondotta hija maħmuġa? Kelli esperjenzi pożittivi ħafna fejn nies li għandhom il-business tagħhom kienu lesti li jagħtu dan iċ-ċans imma dawn ngħoddhom fuq idejja.

    Ta’min iħeġġeġ ukoll sabiex individwi bħal dawn imorru aktar għal ideja ta’ impredetorjat u jiftħu n-negozju tagħhom … u uħud ukoll irnexxew imma mhux kulħadd maqtugħ għal dan. Fil-verita, waqt li nafu li din hija problema serja għadna ma ħadna l-ebda pass veru konkret sabiex tingħeleb. Forsi waqt li qed nitkellmu fuq riformi neċċessarji, niddiskutu ukoll riforma f’din il-kwistjoni. Dan ikompli jaqbel mad-diskors li ilna ngħidu li persuna bi problema tad-dipendenza fuq id-droga mhux ħabs għandha bżonn biex tħalli l-problema warajha imma għajnuna medika u psikoloġika f’ambjent sikur u sagħan. Investment akbarf’dan ir-rigward huwa meħtieġ. L-għan aħħari jrid ikun li l-persuna tieħu r-responsabbilta tagħha u ta’ dawk dipendenti minnha bl-aktar mod serju sabiex tibda tgħix mill-ġdid.

    U l-kondotta mhix l-unika problema għax kif jghidu min kien f’din it-triq, l-aktar ħaġa iebsa hija li tneħħi t-tabella li twaħħallek l-istess soċjeta li trid xi darba tilqek lura. Issir d-drogat/a. Ftit huma lesti li jinsew u ma’ kull ċans li jinstab, ara li din tkun l-ewwel ħaġa li tissemma. U kul ħaġa li tiġri hija minħabba li wieħed/waħda kien jieħu d-droga! Waqt li problemi li jkollhom individwi oħra, nipprovaw ngħinuhom biex jgħelbuhom, għal min kien jieħu d-droga nikkonkludu li heqq x’tistenna …. Qed isiru sforzi kbar f’Malta sabiex dawk il-persuni li m’għandhomx biżżejjed taħriġ jew li għandhom bżonn aktar taħriġ għax ix-xogħol li kienu jagħmlu issa m’għadux prijotita, jingħatalhom sabiex jaslu li huma ukoll jkollhom xogħol. Ma dawn irridu niffukaw fuq nies li ħallew id-dipendenza tad-droga warajhom. Ħafna minn dawn ma ħadux taħriġ għax kienu ‘mitlufin’; oħrajn mhumiex kapaċi joqgħodu fi klassi għal raġunijiet varji, oħrajn għandhom bżonn min iżommilhom idejhom aktar minn persuni oħra; oħrajn jitgħallmu b’modi differenti milli jitgħallmu tfal u żgħażagħ oħra…. Jidher ċar li l-bżonnijiet nafuhom li rridu huwa li nżewġu pjan ma dan kollu sabiex flimkien naqtgħu il-frott. F’soċjeta fejn l-unika risorsa li għandha huwa l-bniedem, kull wieħed mitluf huwa telf nett.

     

    Sina Bugeja

    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali