Is-sbuħija tal-ħajja f’raħal Malti: iż-Żejtun

    Zejtun-003

    Iż-Żejtun huwa raħal fin-nofsinhar ta’ Malta u għandu popolazzjoni li fl-2019 kienet stmata bħala ta’ 11,386 persuna. Illum xtaqt naqsam magħkom l-impressjonijiet tiegħi tal-ħajja f’dan ir-raħal tipikament Malti li għadu jgawdi ħafna minn dik is-sbuħija tal-ħajja li fid-dinja tal-lum qed tintilef b’rata mgħaġġla minħabba l-bidliet kbar li qed iseħħu fil-mod kif ngħixu.

    Jien ġejt noqgħod iż-Żejtun f’Awwissu tal-2017 u xi ħaġa li laqtitni mill-ewwel kienet is-sens qawwi ta’ komunità u solidarjetà li teżisti fost iż-Żwieten. Pereżempju, fit-triq fejn noqgħod jien kulħadd jgħin lil kulħadd mingħajr ma biss joqgħod jaħsibha. Kemm-il darba ġejt bżonn xi ħaġa u mill-ewwel sibt l-għajnuna tal-ġirien. Qed ngħid hekk għaliex jeżistu komunitajiet fejn ftit hemm kuntatt bejn ir-residenti, speċjalment f’ċerti żoni ta’ lokalitajiet partikolari fejn kulħadd għal rasu u jekk tinqalgħalek xi problema, ara kif sejjer issolviha int waħdek.

    Xi ħaġa oħra pożittiva li nnotajt hija kemm iż-Żwieten huma kburin bil-lokalità tagħhom, iċ-Ċitta Beland. Tant hu hekk li r-raħal għandu wkoll NGO bl-isem ta’ “Wirt iż-Żejtun” li tieħu ħsieb li tipproteġi u tippromwovi l-patrimonju Żejtuni. Din hi għaqda li hi attiva ħafna u torganizza taħditiet ta’ natura kulturali kif ukoll żjarat tal-gruppi madwar siti storiċi tar-raħal u oħrajn li għandhom interess kulturali. Tirsisti ħafna wkoll biex l-iżvilupp bla rażan li sfortunatament sar karatteristika ta’ pajjiżna ma jolqotx ħażin lill-ambjent Żejtuni.

    Xi ħaġa sabiħa ħafna li għad għandu ż-Żejtun hija li għadek issib numru ta’ bdiewa li jgħaddu sigħat twal jaħdmu r-raba’. Pereżempju, id-dar tiegħi tmiss ma’ sqaq intern li jagħti għal żewġ għelieqi totalment imdawrin bil-bini. Xi darba din in-naħa tar-raħal kienet kollha għelieqi imma l-iżvilupp bla sens tal-aħħar snin wassal biex illum għandek dawn iż-żewġ għelieqi sbieħ u xi kmamar għall-annimali totalment ċirkondati fuq kull naħa mill-bini.

    Nammira lill-familja li taħdem dawn l-għelieqi għaliex huma xempju tal-aħjar virtujiet tal-ħaddiema Maltin, partikolarment il-bdiewa tagħna. Xemx u xita, tarahom iqumu kmieni filgħodu u jaħdmu kemm jifilħu biex iżommu r-raba’ tagħhom fl-aħjar stat possibbli biex jieħdu l-massimu minn dak li jiżirgħu. Nies bieżla li huma ta’ eżempju għal kulħadd. Mhux hekk biss, imma huma wkoll nies li jħobbu ħafna l-mestier tagħhom. Il-ħidma tagħhom mhix biss mezz kif jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum iżda hi wkoll sors ta’ sodisfazzjon għalihom għaliex ikunu qed jagħmlu dak li verament iħobbu, dak li huwa tant għal qalbhom. Meta nara nies bħal dawn, nifhem kemm huwa importanti li nħarsu r-raba’ fil-Gżejjer Maltin minn żvilupp qerriedi li jkerraħ l-ambjent ta’ madwarna u jeqred snajja’ tipikament Maltin.

    Fl-aħħarnett, nixtieq ngħid li naf li ż-Żejtun, bħal ċerti lokalitajiet oħra ta’ Malta, huwa vittma ta’ ċerti sterjotipi u preġudizzji ta’ ċerti nies li jriduha ta’ superjuri. Niftakar li meta kont ġej noqgħod iż-Żejtun, kien hemm min ipprova jikkonvinċini li ma mmurx noqgħod f’dan ir-raħal.

    Kien hemm min kien diplomatiku u qalli: “Hemm kultura differenti, ma tidrax”. Kien hemm ukoll min kien iktar goff u qalli: “Hemm sejjer? – Il-‘Wild West’ ta’ Malta!” – Nista’ ngħid mill-esperjenza tiegħi personali li ħafna nuqqasijiet li forsi ssib fiż-Żejtun illum, issibhom ukoll, tista’ tgħid, kullimkien fil-Gżejjer Maltin.

    Ma rridux nemmnu lil min jipprova jpinġi lin-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta bħala inferjuri għal dawk ta’ naħat oħra. Irridu wkoll noqogħdu attenti li ma narmux lil min huwa kapaċi jagħmel kollox b’idejh imma forsi mhuwiex daqshekk kapaċi f’dik li hi edukazzjoni strettament akkademika tal-kotba. Inkella nkunu qed narmu l-edukazzjoni vokazzjonali li tant nippromwovu. Min għandu sengħa, huwa ta’ min ifaħħru u jirrispettah daqs l-aqwa professjonista! – Huwa wkoll qed jagħti sehem importanti fl-iżvilupp u l-progress tal-pajjiż.

    Naħdmu lkoll biex nippriservaw is-sbuħija tal-ħajja fl-irħula tagħna u l-karatteristiċi tradizzjonali ta’ dawn il-lokalitajiet.