Is-Salib fil-klassi, simbolu ta’ identità

    Laqtitni ġrajja ħelwa ftit tax-xhur ilu. Kont għaddej bil-karrozza mal-familja minn ħdejn l-iskola ta’ tfuliti. Lit-tfal ġbidtilhom l-attenzjoni biex jaraw l-iskola li kont nattendi meta’ kont għadni ċkejken. It-tifla ta’ erba’ snin kienet marbuta biċ-ċintorin tas-sigurtà u ma laħqitx rata sewwa. Tgħidx kemm bdiet tibki u twerżaq għax riedet tara l-iskola tal-papa’. Kellna nerġgħu induru lura għaliex xtaqet taraha sew. M’hemmx dubju, qtajtilha xewqitha. Illum kull meta ngħaddu minn hemm dejjem tħares lejna b’dak il-wiċċ ta’ tifla li donnha skopriet xi ħaġa ġdida! ‘Papa’! tgħidli din l-iskola tiegħek!
    Minix xi psikologu jew xi studjuż tal-psikoloġija, imma mill-ftit li qrajt, ħafna riċerkaturi f’dan il-qasam jgħidu li l-bniedem iħoss fih bżonn qawwi li jkun jaf l-oriġini tiegħu. Toqgħod tagħrbel dan il-ħsieb tibda tifhem ċertu esperjenzi li tara madwarek. Fosthom tibda tirrejalizza kemm hu importanti li t-tfal ifittxu ħafna lin-nanniet tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar in-nanniet jirrapreżentaw lit-tfal l-għeruq tagħhom. It-tfal jgħoxew bl-istejjer tan-nanniet għaliex għandhom bżonn isiru jafu dwar l-istorja ta’ missierijithom. Dan kollu jagħti lit-tfal sens ta’ siguratà u sens ta’ appartenenza. 
    Meta imbagħad ikunu qed jikbru t-tfal jixorbu mal-ewwel in-normi u l-użanzi tal-kultura tagħhom. Jitgħallmu dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Fuq kollox jibdew jitgħallmu dwar ir-reliġjon tagħhom. Jafu jitilqu mid-dar ta’ tmintax-il sena (bejn wieħed u ieħor) u jibdew ifendu għal rashom. Nemmen li hemmhekk  jibdew jirrejalizzaw bl-importanza tal-ispiritwalità f’ħajjithom. Jiena almenu f’dan l-istadju ta’ ħajti skoprejt xi tfisser verament l-ispiritwalità f’ħajti. 
    Qed nistħajjilkom tistaqsu fejn irrid nasal b’dan l-artiklu. Nibda mill-premessa li jien minix perfett u lanqas irrid inkun, iżda bħal ħafna minn ħuti Maltin u Għawdxin dejjem nipprova infittex li ngħix ħajja tajba, fir-rispett ta’ ħuti u fit-tagħlim spiritwali li rċevejt fi tfuliti.
    Ma niddejaqx ngħid li wieħed mill-persuni li jressquni dejjem aktar viċin lejn Alla l-ħallieq bħala l-qofol tal-ispiritwalità tiegħi huwa l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech. Mill-esperjenza personali nista’ ngħid li dan l-Isqof huwa font ta’ ispirazzjoni għalija u nemmen ħafna li l-missjoni tiegħu m’hi xejn ħlief dik ta’ Ragħaj spiritwali. 
    Kliem Mons Grech dejjem ikun wieħed meqjus, u allura meta esprima lilu nnifsu dwar li ma tagħmilx wisq differenza jekk ikunx hemm salib fil-klassi jew le, nifhem li kien qed jitkellem mil-lat spiritwali. Fil-fehma tiegħi ma naħsibx li salib fil-klassi ser jiġbed iktar lit-tfal lejn Ġesu’. Fuq livell spiritwali ma tagħmilx differenza jekk ikunx hemm salib jew le fil-klassi. 
    Ma rridux ninsew lanqas li s-salib fil-klassi huwa fuq kollox simbolu li jirrapreżenta l-identità u il-kultura ta’ pajjiż. Is-salib fil-klassi qiegħed hemm għax fil-kostituzzjoni ta’ Malta hemm miktub li Malta hi pajjiż kattoliku u allura f’positjiet pubbliċi għandna id-dritt li indendlu s-slaleb biex nuru li l-kultura tagħna għandha l-għeruq tagħha fir-reliġjon kattolika.
    Dan mhux aħna biss nagħmlu hekk ta!
    Jekk tagħti ħarsa ħafifa lejn il-bnadar tal-pajjiżi Ewropej tinnota li hemm uħud minnhom għandhom xi salib f’xi forma jew oħra (speċjalment l-iskandinavi). Uħud mill-kostituzzjonijiet tal-pajjiżi Ewropej (bħal Malta) jirrikonuxxu lillhom infushom bħala kristjani jew inkella għandhom referenza għal Alla. 
    F’dawn il-pajjiżi (inkluz f’Malta) il-kostituzzjoni taghħom għalkemm tirrikonoxxi l-pajjiż bħala krtistjan, tirrikonoxxi wkoll il-libertà ta’ reliġjonijiet oħra fl-istess pajjiż. 
    Fit-18 ta 'Marzu 2011 il-qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem fil-każ Lautsi v. Italja, iddeċidiet li l-istat Taljan jista’ jkompli jdendel l-kurċifissi fil-klassijiet tal-iskejjel tal-istat u dan ma jiksirx il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Bir-raġun li l-Qorti Ewropea ddeċidiet hekk għax il-Qorti ħasset il-bżonn li pajjiż u niesu jirrokonoxxu l-għeruq tagħhom, il-kultura u l-identita’ tagħhom. 
    Fil-Belġju għext għaxar snin u huwa wieħed minn dawk il-pajjiżi li numru ta’ snin ilu neħħew il-slaleb kollha minn ġol-klassijiet. Għamlu hekk għax ħasbu li huma moderni u progressivi. Hekk bdew u illum il-ġurnata l-vakanzi tal-Millied saru jissejħu vakanzi tax-xitwa. Il-vakanzi tal-Għid il-kbir saru jissejħu vakanzi tar-Rebbiegħa. Is-suq tal-Milied (Marché de Noël) sar jismu divertiment tax-xitwa (Plaisirs d’Hiver). Matul il-Millied ma tarax tiżjin bil-figuri reliġjużi fil-Belġju imma biss bl-istillel u figuri profani. 
    Kull 6 ta’ Diċembru fil-Belġju għandhom il-festa ta’ San Nikola li kien isqof. Hemm nies fil-Belġju li jridu jneħħu is-salib minn fuq il-kostum ta’ San Nikola. Huma affarijiet li qed jinfurjaw lill-Belġjani kemm dawk insara/kristjani kredenti kif ukoll dawk li mhumiex.
    Jien ngħid għalija li nneħħu mil-kostituzzjoni r-referenza li aħna pajjiż kattoliku huwa żball oħxon. Huwa fuq kollox nuqqas ta’ fiduċja fina nfusna. Pajjiżna għandu jaħdem iktar minn qatt qabel biex jgħin li kull min irid jintegra f’pajjiżna pero qatt u qatt m’għandna niċħdu l-għeruq tagħna għax inkunu qed niċħdu lillna nfusna. 
    It-telfa tal-identità ġġib biss mibgħeda lejn nies ta’ reliġjon oħra. Min jaċċetta l-identità tiegħu jaċċetta l-identità ta’ ħaddieħor. Dik hija l-psikoloġija tal-bniedem.
    Id-deputat David Stellini huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Unjoni Ewropea u huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.