Is-saħħa ta’ minoranza

    Robert Agius

    Bosta rebħiet u bidliet importanti li seħħew f’soċjetajiet imxerrda madwar id-dinja fl-aħħar mitt sena inkisbu b’riżultat dirett ta’ azzjoni meħuda minn minoranzi. F’tali każijiet, membri ta’ minoranza fil-komunità servew ta’ aġenti ta’ bidla soċjali u politika billi sfidaw perċezzjonijiet, metodi u normi li kellhom għeruq fondi.

    L-esperjenzi politiċi riċenti ta’ pajiżna huma prova li Malta mhix eċċezzjoni għal dan il-fenomenu. Sa disa’ xhur ilu kważi ħadd ma kien jemmen li Joseph Muscat kien ser ikun imġiegħel jirriżenja minn prim ministru. Dan għaliex kien evidenti f’moħħ kulħadd li Joseph Muscat kien, anke fil-mument tar-riżenja tiegħu, igwadi l-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti. Nazzarda ngħid li għadu jgawdiha s’issa. Iżda minoranza fil-pajjiż, immexxija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, niżlet in-nies fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-korruzzjoni li kkaratterizzat il-gvern ta’ Joseph Muscat u jesprimu d-diżgust tagħhom għar-relazzjoni mill-qrib bejn persuni allegatament implikati fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-gvern, inkluż il-prim ministru innifsu.

    F’dak il-mument għaddiet tal-minoranza. Il-maġġoranza kienet imġiegħla tbaxxi rasha. Min għandu kunċett skadut tad-demokrazija jew addirittura taħt il-ġilda għandu sentimenti anti-demokratiċi, jgħid li l-azzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet bħal Repubblika f’dak il-mument kien jammonta għal għaġir anti-demokratiku.

    Iżda fil-verità, il-fatt li bl-azzjonijiet tagħna fit-toroq ġiegħelna lil Joseph Muscat jirriżenja kien l-uniku aspett demokratiku ta’ dak il-mument fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan għaliex id-demokrazija mhix sempliċi eżerċizju matematiku, iżda mod ta’ ħajja. Tassew li waħda mir-regoli bażiċi tad-demokrazija hi li l-maġġoranza tal-eletturi jagħżlu lil min jiggverna l-pajjiż, iżda regola oħra daqstant ieħor fundamentali hi li dawk magħżula biex jiggvernaw għandhom jeżerċitaw il-poter tagħhom għall-benefiċċju tal-poplu kollu u b’rispett sħiħ lejn il-liġi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

    Fil-fehma tiegħi l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 immarkat il-bidu ta’ fażi ġdida fil-ħajja politika u soċjali ta’ Malta. Għall-ewwel darba f’pajjiżna, esponenti ewlenin ta’ partit politiku li kien evidenti li waqt li kienu fil-gvern wettqu reati serjissimi u intenzjonalment ħarbtu l-istituzzjonijiet nazzjonali, ġew eletti mill-ġdid fil-gvern, saħansitra minn maġġoranza akbar tal-eletturi. Il-ħażin kien magħżul konxjament mill-votanti. Jekk kien hemm bżonn ċertifikat għal dan kollu, ingħatalna ftit jiem ilu meta fl-awli tal-qorti kriminali f’recording sigriet instema’ l-allegat mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jgħid li kien iħossu protett bil-partit laburista fil-gvern.

    Miguela Xuereb

    Kien dan ir-rigress u l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva ewlenija f’pajjiżna li waslu biex persuni bħali, li sa dak iż-żmien konna spettaturi, iddeċiedejna li nimpenjaw ruħna attivament biex nirreżistu l-użu tal-istituzzjonijiet nazzjonali għal skopijiet kriminali.

    Il-fatt hu li f’pajjiżna qegħdin ngħixu f’sitwazzjoni li, fil-fehma tiegħi, mhix ’il bogħod min dik ta’ soċjatajiet fejn jipprevalu assoċċjazzonijiet mafjużi. Il-korruzzjoni lampanti, l-omertà, il-ħtif tal-istituzzjonijiet nazzjonali u l-eliminazzjoni ta’ ġurnalisti, huma l-karatterisitiċi ewlenin ta’ tali soċjetajiet. U din, minn mindu assassinaw lil Daphne Caruana Galizia, hi r-realtà Maltija wkoll.

    Il-protesti ta’ Novembru u Diċembru 2019 taw prova ta’ kemm minoranza tista’ tkun effettiva f’dan it-tip ta’ xenarju, diment li tkun magħquda u determinata. Aħna li ninsabu impenjati direttament fis-soċjetà ċivili dan fhimnih aktar minn qatt qabel. Fehmu Joseph Muscat, li baxxa rasu għall-inevitabbli. Hu evidenti li fehmu wkoll is-suċċessur tiegħu Robert Abela, li donnu sar ossessjonat b’Repubblika u b’uħud mid-deputati tal-oppożizzjoni parlamentari. M’għandix dubju li, hu li ra lill-predeċessur tiegħu jitneżża mill-poter, jaf li grupp ta’ persuni determinati jistgħu jgħelbu s-saħħa ta’ prim ministru.

    Jien konvint li fix-xenarju preżenti r-reżistenza ċivili minn ċittadini ordinarji, permezz ta’ protesti paċifiċi, hi parti essenzjali mis-soluzzjoni meħtieġa biex noħorġu mill-għawġ li ninsabu fih u biex naslu li jkollna politiċi u istituzzjonijiet li tassew jaħdmu għall-ġid komuni.

    L-aħbarijiet li qed jaslulna mill-awla tal-Qorti fejn qed issir il-kumpilazzjoni tal-evidenza fir-rigward tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huma prova oħra, jekk kellna bżonn, tal-istat imnawwar li fih jinsabu l-istituzzjonijiet tagħna. Is-sistema hi korrotta minn rasha sa saqajha. Lili fakkritni f’dak li għexu t-Taljani fi żmien Tangentopoli, għax hemm ukoll kienet żvelata sistema korrotta b’firxa kbira.

    Forsi ħafna għadhom mhux qed jifhmu li dan kollu qed inaqsilna drastikament il-kwalità ta’ ħajja tagħna. Il-fatt li bl-azzjonijiet tiegħu Robert Abela qed juri li hu, fl-aħjar ipoteżi, kontinwazzjoni tal-metodi indiċenti ta’ Joseph Muscat, neċessarjament ser ikollu l-konsegwenzi diżastrużi tiegħu. U l-effetti mhumiex biss nuqqas ta’ diċenza fil-ħajja pubblika. Qed nissugraw li nħallsu prezz ekonomiku wkoll minħabba li m’hu qed isir xejn biex ipatti għall-ħsara fir-reputazzjoni li sofra pajjiżna minħabba, dik li fi kliem il-President tar-Repubblika hi, il-KLIKKA.

    Quddiem dan kollu ma nistgħux inbaxxu rasna. Aħna ċ-ċittadini li ninsabu ixxukkjati bl-istat tal-biki li fih jinsab pajjiżna, jeħtieġ li nkunu voċiferi u neżiġu bidla radikali. Għandna dritt li nkunu iggvernati minn persuni ta’ intergità. Għandna obbligu morali li ngħollu leħinna la qed naraw li dan mhux qed iseħħ.

     

    Dr Robert Aquilina huwa l-President-Elett tal-għaqda Repubblika