Is-Saħħa Mentali

    Meta nitkellmu fuq is-saħħa nkunu qed nirreferu kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll għal dik mentali. Ktibt ħafna drabi fuq aspetti varji tas-saħħa fiżika. Importanti li ninfurmaw ukoll fuq is-saħħa mentali għax ħafna drabi din tispiċċa xi ftit mal-ġenb.
    Is-saħħa mentali hija mportanti f’kull stadju tal-ħajja – mit-tfulija, ż-żgħożija u l-ħajja adulta. Fil-kliem ‘saħħa mentali’ ninkludu aspetti psikoloġiċi, emozzjonali u anke kif nirrelataw soċjalment. Is-saħħa mentali teffettwa kif naħsbu, xi nħossu u l-għażliet li nagħmlu.
    Problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jaffettwaw il-ħsieb, il-burdata u saħansitra kif ngħaġixxu. Hemm ħafna raġunijiet għaliex nesperjenzaw episodji ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali u bħal problemi oħra fiżiċi, bl-għajnuna ta’ professjonisti imħarrġa f’dan il-qasam insibu l-kura u s-sapport meħtieġ. L-importanti hu li nfittxu l-għajnuna minn għand nies li jistgħu jgħinuna.
    Episodju ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali m’għandux iwassal għal xi timbru li qisu ma jista jitneħħa qatt. Il-maġġoranza tan-nies jistgħu ikollhom, per eżempju episodju ta’ dipressjoni u wara l-kura meħtieġa, dan jgħaddi. Fuq kollox kif jiġri f’perjodi ta’ nuqqas ta’ saħħa fiżika.
    Biss jeżistu ukoll għodda li jgħinuna nieħdu ħsieb aħjar tas-saħħa mentali tagħna meta napplikawhom. Dan ma jfissirx li min jesperjenza xi diffikulta din tkun għaliex ma’ applikax dan li ġej. Għax l-istess bħal ma jiġri fis-saħħa fiżika, meta nagħmlu l-eżerċizzju u nieklu ikel bnin kuljum, nafu li dan jevita ċertu problemi imma ma’ jkollniex xi garanzija li mhu se nomordu qatt.
    Ngħinu ħafna lilna nnfusna jekk:

    • Nżommu kuntatt ma’ nies oħra u ma’ ngħixux f’iżolament;
    • Nħarsu lejn il-ħajja b’mod pożittiv – naraw it-tazza nofsa mimlija minnflok nofsa vojta;
    • Nżommu ruħna attivi – l-eżerċizzju tajjeb għall-ġisem kif ukoll għall-moħħ;
    • Ngħinu lil ħaddieħor – dan jagħtina sodisfazzjon fil-ħajja;
    • Norqdu biżżejjed – il-mistrieħ bżonjuż;
    • Noħolqu ferħ u sodisfazzjon madwarna – tmur sew mall-fatt li nħarsu lejn il-ħajja b’mod pożittiv;
    • Nieklu tajjeb u sustanzjuż – riċerki varji wrew ir-relazzjoni bejn l-ikel u s-saħħa fiżika u mentali;
    • Nieħdu ħsieb l-ispirtu tagħna – inħarsu l-aspetti kollha li jagħmluna dak li aħna;
    • Meta jiġu żminijiet diffiċli u iebsa (li jiġu fuq kulħadd) insibu l-aħjar mod kif nieħdu ħsieb tagħna nnfusna u nfittxu l-għajnuna;
    • Meta nindunaw jew xi ħadd jiġbdilna l-attenzjoni li għandna bżonn l-għajnuna professjonali, infittxu mmorru u nieħdu ħsieb dak li hemm bżonn. Min jiġbdilna l-attenzjoni ġid iridilna.

    Lkoll kemm aħna jeħtiġilna nħarsu s-saħħa mentali tagħna. Dan mhux suġġett għal min diġa kellu xi esperjenza imma għalina lkoll għax ilkoll kemm aħna suxxettibbli.
    Il-verita hi li l-emozzjonijiet li jkollna, il-ħsibijiet tagħna u l-attitudijiet li aħna għandna lejn affarijiet varji jaffettwaw l-enerġija tagħna, l-produttivita tagħna u s-saħħa nġenerali. Saħħa mentali tajba tagħtina l-abilta li niffaċjaw id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom kif ukoll dawk il-kriżijiet u sfidi li l-ħajja taf tagħti. Li nistennew li ngħixu l-ħajja bla diffikultajiet mhix realta, għalhekk ikun aħjar li dejjem nkunu ppreparati.