Irridu nkunu spalla effettiva għan-negozji żgħar u medji tagħna

    Josianne Cutajar in the EP in Brussels
    Josianne Cutajar in the EP in Brussels

    Irridu nkunu ta’ spalla effettiva biex in-Negozji kollha Żgħar u Medji (SMEs) mhux biss jirpiljaw mid-daqqa li ħadu minn din il-pandemija, iżda jgawdu mill-opportunitajiet tal-qabżiet il-kbar li rridu nagħmlu.

    Dan sħaqtu propju f’waħda minn tliet laqgħat virtwali li kelli fil-Ġimgħa Ewropea ddedikata għal dawn in-negozji żgħar u medji.

    Fl-aħħar laqgħa virtwali organizzata mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku, l-OECD, u li fiha pparteċipaw l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta u l-eks Prim Ministru Belġjan Yves Leterme, sostnejt kif iż-żmien ta’ rkupru għal dawn in-negozji fis-snin li ġejjin, se jkun ukoll ikkaratterizzat minn diversi realtajiet, fosthom dawk teknoloġiċi u ambjentali, kif ukoll modi tax-xogħol ġodda. Hu essenzjali li ngħinu kemm lin-negozji li huma innovativi minnhom infushom iżda anke lil dawk li mhumiex u qatt m’użaw it-teknoloġija fl-operat tagħhom, pereżempju. Hawnhekk semmejt li l-ġeneru wkoll m’għandux ikun ta’ ostaklu għall-ebda persuna, partikolarment għan-nisa li f’diversi sitwazzjonijiet isibu barrieri li ma jħalluhomx jibdew negozju jew jilħqu pożizzjonijiet għolja fi ħdan l-intrapriżi.

    F’diskussjoni oħra organizzata mill-pjattaforma Facebook, sħaqt li rridu nassiguraw li s-suq Ewropew ikun miftuħ għan-negozji kollha, filwaqt li fl-istess ħin naraw li jiġi eliminat kull tip ta’ abbuż jew ostaklu li jxekkel lill-SMEs milli jikkompetu fis-suq lokali u Ewropew, inkluż abbużi mill-kumpaniji l-kbar. Irridu naraw li ngħinuhom kemm fl-isfidi relatati mad-diġitalizzazzjoni imma anke biex jibbenefikaw mill-opportunijiet li joffru dawn il-bidliet.

    F’webinar ieħor ospitat minni flimkien mal-pjattaforma Ewropea ‘SMEs Connect’, sħaqt dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-ħiliet tal-mexxejja u l-ħaddiema tal-SMEs tagħna, inkluż fl-aspett diġitali. Tennejt li rridu nedukaw anke lill-intrapriżi tradizzjonali fuq l-opportunitajiet varji u pożittivi li t-teknoloġija tista’ toffri lin-negozju tagħhom. B’hekk inkunu qegħdin niżguraw li dawn l-opportunitajiet ikunu aċċessibbli għal kulħadd.

    Nenfasizza wkoll l-importanza li nippromwovu ‘partnerships’ bejn il-privat u l-pubbliku — u anke bejn intrapriżi infushom, minħabba l-fatt li dawn jkollhom nuqqas ta’ riżorsi u ħiliet u għaldaqstant jistgħu jirnexxu aħjar permezz ta’ forom ta’ kollaborazzjoni u sħubija.

    Ta’ min insemmi li ftit tal-jiem ilu ġie vvutat b’maġġoranza assoluta mill-Kumitat tal-Industrija, rapport fuq l-Istrateġija tan-Negozji Żgħar u Medji li ħdimt u nnegozjajt fuqu f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi.

    Ninsisti li rrid nara aktar opportunitajiet u toroq miftuħa għal negozji żgħar u medji li huma bbażati fi gżejjer żgħar bħal Malta u Għawdex. Se nkompli nirsisti biex niżgura li c-ċokon ta’ pajjiżna bl-ebda mod ma jxekkel lil dawn in-negozji, il-ħaddiema u l-familji tagħhom.