​Ir-Rwol u n-Nomina tal-Qorti tal-Awdituri

    Ir-Rwol
    In vista tal-iżviluppi reċenti li jitfgħu dawl fuq il-Qorti tal-Awdituri, ikun tajjeb ninfurmaw il-qarrejja ta' Newsbook.com.mt li jixtiequ jifhmu l-kuntest aktar wiesgħa dwar ir-rwol u l-proċedura tan-nomina tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri.
    Ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri huwa li tassisti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġits tal-Unjoni Ewropea billi tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom.
    Dan huwa rwol għaldaqstant tal-akbar importanza fl-Unjoni u li mistenni jagħti lill-istess Unjoni kredibilità u rigur fuq kif din tonfoq il-flus taċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi.
    Il-Qorti tal-Awdituri fil-fatt teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-infiq kollu tal-Unjoni u tal-korpi, aġenziji jew servizzi kollha tagħha. Dan jinkludi ġudizzju tal-Qorti jekk l-infiq sarx skont il-liġi u jekk it-tmexxija finanzjarja kienitx tajba.
    Il-Qorti tista' tmur fuq il-post biex tagħmel kontrolli diretti kemm fl-istess istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll għand persuni jew kumpanniji li jkunu gawdew mill-baġit Ewropew. Il-Qorti tikkopera mal-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar. Il-Qorti għandha poteri vasti wkoll sabiex titlob kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.
    Minbarra dawn il-poteri li teżerċita fuq bażi regolari l-Qorti tista' wkoll tieħu inizjattivi biex tirrakkomanda amministrazzzjoni aħjar fl-istituzzjonijiet. Per eżempju fl-aħħar snin il-Qorti ressqet rapporti li jirrikmandaw li titnaqqas l-ispiża tat-traduzzjoni fl-istittuzzjonijiet billi dawn jikkoperaw aktar bejniethom. Rapport ieħor interessanti tal-Qorti kien fejn din irriakkomandat li kull istituzzjoni li tbiddel il-liġi Ewropea teħtieġ li tagħmel stima tajba tal-impatt ta' dik il-bidla qabel tmexxi 'l quddiem.
    In-Nomina tal-Qorti tal-Awdituri
    Il-Qorti tal-Awdituri hija magħmula minn ċittadin wieħed minn kull Stat Membru. Skont it-Trattat dawn għandhom ikunu magħżula minn fost ''persuni li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti, fl-Istat rispettiv tagħhom, minn korpi esterni ta’ awditjar jew li huma partikolarment ikwalifikati għal din il-kariga.''
    Bil-kliem magħżul it-Trattat jindika l-bżonn ta' livell għoli ta' kompetenza iżda jħalli marġni ta' aprezzament li jrid isir fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri.
    It-Trattat jenfasizza ukoll li l-individwi jridu joffru garanzija ta' indipendenza sħiħa. Dan ma jfissirx li jkunu esklużi dawk li ġejjin minn karriera politika, anzi, ħafna membri tal-Qorti fil-passat ikunu ġew fil-fatt minn qasam politiku.
    Il-membri tal-Qorti tal-Awdituri jinħatru hekk: l-istat Membru jipproponi kandidat fil-Kunsill tal-Ministri (fejn jiltaqgħu il-gvernijiet). Wara dan, il-Kunsill irid jikkonsulta lill-Parlament Ewropew li jista' jagħti opinjoni favorevoli jew opinjoni kuntrarja.
    Fil-Parlament Ewropew jiġri hekk: Il-kandidati nominati jiġu mistiedna jagħmlu stqarrija quddiem il-kumitat tal-Kontroll Baġitarju u jwieġbu l-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-membri. Il-kumitat wara jivvota b'mod sigriet separatament fuq kull nominazzjoni. Skont dak il-vot il-kumitat jagħmel rakkomandazzjoni lill-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar jekk in-nominazzjoni għandhiex tiġi approvata.
    Hawn tajjeb nispeċifikaw li fil-Parlament Ewropew hemm organu wieħed biss li jista' jieħu deċizjonijiet uffiċċjali li jorbtu – din hija l-Plenarja li tlaqqa il-751 MEPs kollha f' daqqa fi Strasburgu. Kwalunkwe deċiżjoni oħra tal-Parlament Ewropew li ssir fl-organi l-oħra tista' titqies bħala preparatorja u mhux definittiva. Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika jara li jkun hemm persentaġġ għoli ferm ta' deċiżjonijiet fejn il-Plenarja tikkonferma l-voti fil-Kumitati iżda jibqa' dejjem il-lok ta' bidla fil-fehma bejn il-Kumitat (fejn ikun hemm biss madwar 30 sa 50 MEP) u l-Plenarja kif ukoll l-intervent ta' dinamika differenti bejn il-livell tal-Kumitat u l-livell tal-plenarja.
    Tajjeb insemmu wkoll li f'dan il-każ, il-vot fis-seduta plenarja jsir b'mod sigriet separatament għal kull nomina u jgħaddi bil-maġġoranza tal-voti mitfugħa.
    Minkejja li bħal ma semmejna qabel it-Trattat jgħid li l-Kunsill jista' biss jikkonsulta lill-Parlament Ewropew fil-ħatra tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri r-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew jistabbilixxu li: ''Jekk l-opinjoni adottata mill-Parlament dwar nominazzjoni individuali tkun negattiva, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jitlob lill-Kunsill biex jirtira n-nominazzjoni u jippreżenta nominazzjoni ġdida.''
    Preċedenti
    F'Mejju 2013, il-kandidat Kroat għal Qorti tal-Awdituri, Neven Mates, ingħata opinjoni negattiva fis-smiegħ tal-Kumitatt tal-Kontroll Baġitarju b'16-vot kontra u 11-il-vot favur. Dan il-vot fuq Mates, li qabel kien il-kap tal-missjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali fl-Ewropa tal-Lvant Ċentrali, ġie kkonfermat fil-plenarja li għaldastant għaddiet opinjoni negattiva fuq il-ħatra tiegħu lill-Kunsill.
    Dak iż-żmien il-Kunsill xorta nnomina lil Mates li bħalissa huwa filfatt Membru tal-Qorti tal-Awdituri. Wara l-ħatra ta' Mates, l-MEP Soċjalista Ines Ayala Sender li kienet inkarigata fil-Kumitat tal-Kontroll Baġitarju iddikjarat: "Ninsab ixxukjata li s-Sur Mates ma żammx kelmtu.. (għax Mates kien qal li jirtira n-nomina jekk ma japprovahx il-Parlament Ewropew) … Dan żgur mhux bidu tajjeb għar-relazzjonijiet futuri mal-Parlament Ewropew."
    Fl-2012 kien hemm każ ieħor li jinvolvi l-Ministru tal-Affarijiet Ewropej Rumen Leonard Orban li n-nomina tiegħu ġiet miċħuda mill-Parlament Ewropew fil-Plenarja biss b' 25 vot differenza b'294 vot kontra u 269 favur.
    Ftit wara li kien magħruf ir-riżultat tal-votazzjoni, Leonard Orban irtira l-kandidatura tiegħu għal pożizzjoni fil-Qorti tal-Awdituri.