Ir-risposta

    DOI - Jason Borg

    Kont għadni kemm ġej mingħand Is-Serkin, ir-Rabat. Fettilli mmur nieħu tè u żewġ pastizzi. Niżluli għasel. Hu ħanut midħla ta’ kull xorta ta’ nies u ma’ xi ħabib dejjem tiltaqa’. Fosthom kien hemm wieħed li xtaqni nistaqsi mistoqsija parlamentari f’ismu. Wegħedtu, u hekk għamilt. Imma fakkarni f’oħra li xtaqt li nerġa’ nittanta xortija dwarha. Tkun ir-raba’ darba li nkun staqsejt l-istess mistoqsija.

     

    Dan l-aħħar għall-mistoqsija parlamentari li jien għamilt lill-Ispeaker, sar magħruf li 6% tal-mistoqsijiet parlamentari li jsiru mid-deputati qatt ma jingħataw risposta. M’għandix għalfejn noqgħod indur mal-lewża, dawn huma risposti li suppost jingħataw lill-Kamra mill-Eżekuttiv, iżda jiġu miċħuda bil-pulit, għax ir-risposta li tingħata tkun “It-tagħrif mitlub se jingħata f’seduta oħra.” B’hekk, il-Ministru jkun ta risposta mingħajr ma kiser ir-regoli tal-Kamra, meta l-għan aħħari tiegħu jkun li qatt ma jwieġbek. 

     

    Min-naħa l-oħra, ikun hemm risposti għall-mistoqsijiet li jkunu xotti fi kliemhom. F’waħda minnhom mogħtija mill-Prim Ministru, ir-risposta kienet kelma waħda ta’ żewġ ittri “Le” filwaqt li ġiet injorata r-raġuni u l-ispjega għalfejn ir-risposta kienet fin-negattiv. Nifhem li jkun hemm min minn taħt l-ilsien jgħid “Mela, lil dawk ta’ faċċata nħallihom b’xiber imnieħer”, għax emmnuni, dik hi l-attitudni miskina li fiha spiċċat il-Kamra.

     

    Kunu afu li l-mistoqsijiet parlamentari ssir bil-miktub mid-deputati tal-backbench lill-Prim Ministru u lill-Ministri. Skont l-ordni tad-dħul tagħhom u tal-anqas tlett ijiem wara li jiġu milqugħa mill-Parlament, il-membru tal-Kamra jingħata r-risposta. F’seduta jistgħu jingħataw sitt risposti biss lill-istess deputat, allura jekk deputat ikollu ferm aktar minn dak rikjest, dawn ir-risposti jingħataw f’seduti oħra. Kull risposta tkun bil-miktub u jitilgħu wkoll fuq is-sit elettroniku tal-Parlament, imma jekk fit-30 minuta ħin tas-seduta jkun hemm iċ-ċans li tinqara, hekk isir. B’hekk jingħata ċans ukoll li jsiru mistoqsijiet supplimentari dak il-ħin stess lill-Ministru konċernat.

     

    Ejja ngħiduha kif inhi, risposti lill-backbench tal-Gvern ġeneralment dejjem ikunu mlaħħma sew u dawk indirizzati lill-Oppożizzjoni jkunu nieqsa mit-tagħrif. Ninnota li mhux kull Ministru hu l-istess f’għemilu. Hemm  xi wħud li jagħmlu ħilithom biex jagħtu risposta xierqa. 

     

    L-iskrutinju tal-Eżekuttiv hu parti mill-obbligi u d-dmir tal-backbench, kemm dak tal-Gvern u anki tal-Oppożizzjoni li llum il-ġurnata hi ffurmata mill-Partit Nazzjonalista u żewġ membri indipendenti. Dan il-ħin ta’ mistoqsijiet parlamentari hu parti mill-ħidma intiża għat-tisħiħ tat-trasparenza u l-kontabilità, bil-għan li pajjiżna jitmexxa b’aktar governanza tajba u mingħajr abbuż. L-istess hu l-għan tal-ħin iddedikat lill-stqarrijiet parlamentari u l-aġġornament ta’ kull seduta.

     

    Is-sistema parlamentari tagħna hi waħda li ma toffrix ħin ta’ mistoqsijiet parlamentari indirizzati lill-Prim Ministru fuq ġrajjiet kurrenti li jitressqu f’ħin allokat apposta għalih biss. Anzi, pjuttost hi waħda li rari tara Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet indirizzati lill-ministeru tiegħu, għax hu jserraħ fuq is-Segretarji Parlamentari li jaqgħu taħt l-istess ministeru. Għalhekk kwazi qatt ma tara l-Prim Ministru jieħu sehem fil-hin iddedikat lill-mistoqsijiet parlamentari. Naħseb wasal iż-żmien f’pajjiżna, li f’ġieħ ir-responsabbiltà għal dak li hu sew, il-Gvern stess jipproponi struttura u proċess ta’ kif din il-ħidma għandha titwettaq. Il-fatt li m’għandniex ħin iddedikat għal dan il-għan jixhed nuqqas ta’ skrutinju, li wara kollox hu parti mill-mekkaniżmu li jsaħħaħ id-demokrazija.

     

    Bilħaqq semmejt li hemm mistoqsija parlamentari li qatt ma kelli risposta ghaliha. Ili nistenna risposta sa minn Ġunju tal-2018. 

     

    Dak iż-żmien il-ħalfa li saret minn dan il-Gvern biex jaqla’ kull siġra matura li għandna kien għadu ma ħadhiex. Il-mistoqsija taqra hekk: ‘Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, l-ispeċi tas-siġra u timmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu.

     

    Ma tlabtx wisq. Bis-sistema elettronika governattiva li għandna faċli tinġabar din l-informazzjoni, wara kollox mhix xi ħaġa li jiġbor l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Mela l-ġimgha l-oħra staqsejtha għar-raba’ darba għax ir-risposta dejjem kienet “Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.” 

     

    Possibbli? Imma, nerġa’ ngħid, possibbli, li wara ferm aktar minn sena, il-Kamra, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, baqgħet mingħajr risposta? 

     

    L-aħħar mistoqsija li kont għamilt kienet nhar it-22 t’Ottubru. Il-Liġi Sussidjarja dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar (L.S. 549. 123) li ġiet ippubblikata xahar wara li jien l-ewwel darba staqsejt din il-mistoqsija parlamentari, għalkemm illimitat il-protezzjoni tas-siġar minn dik ta’ qabilha, tiddetta b’mod ċar x’għandu jitwettaq. 

     

    Nittama li ma mmurx imqarraq u din il-ġimgħa nkun naf jekk is-siġar huma għal qalb il-Ministru José Herrera, għax s’issa baqa’ jkaxkar saqajh.