Ir-riklamar tal-lotteriji

    Illum li l-lotteriji il-kbar ġew illiberalizzati u m’għadhomx taħt l-operat tal-gvern, naraw riklamar qawwi fejn jitwedhu sommom kbar ta’ flus li ‘jistgħu’ jintrebħu. Poġġejt il-kelma ‘jistgħu’ bejn l-inverted commas mhux b’kumbinazzjoni imma għax il-possibilita ta’ rebħ hija fil-verita ħafna inqas milli r-riklam jagħti x’wieħed jifhem. Tajjeb li kulħadd japprezza li l-ewwel ma jaraw il-kumpaniji li jtellgħu l-lotteriji u responsabbli għall-logħob huwa l-qliegħ tagħhom. Dan wara kollox bħal kull negozju ieħor, imma l-pubbliku nġenerali dan ftit jew xejn hu konxju minnu. Imma min qed jieħu ħsieb lil dawk l-individwi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli meta qed ikunu mwegħda l-possibilta ta’ rebħ? Sejjaħtilhom vunerabbli għax jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli u din il-promessa ta’ ħafna flus f’daqqa ittiehom tama falza. Tant falza li l-ftit li jkollhom jonfquh f’biljetti b’tali mod li anke l-bżonnijiet ta’ kuljum jarawhom nfiq żejjed u li jekk jilgħabuhom iżidu aktar iċ-ċans tar-rebħ.

    Smajna kemm il-darba minn negozji bħal ma huma ħwienet tal-merċa u saħansitra spiżeriji li jirrapurtaw li meta l-lotteriji jitilgħu għal ċertu sommom kbar, il-bejgħ ta’ oġġetti neċċessarji għall- ħajja ta’ kuljum jonqos. Xi jfisser dan? Sfortunatament li nies li m’għandhomx daqshekk flus f’idejhom qed jagħmlu għażla … jew jixtru ‘l bżonnijiet ta’ kuljum jew il-biljetti tal-lotterija.

    Jemmnu li se jkollhom ċans aħjar ta’ rebħ u jemmnu li l-problemi tagħhom se jsolvuhom darba għal dejjem. Jaraw is-soluzzjonijiet tal-problemi kollha tagħhom issa qed jisfumaw fix-xejn. Forsi anke jidħlilhom il-ħsieb li issa jmiss lilhom li jirbħu u għalhekk dal-ħsieb iġielhom jonfqu aktar milli jkunu jifilħu.

    Ħa nkun ċara mhux qed nitkellem fuq x-xiri ta’ xi biljett kultant, għalkemm f’sitwazzjonijiet fejn il-flus huma nieqsa u fejn kull ċenteżmu jgħodd, kull biljett huwa ħela. Imma qrajna kemm il-darba li meta s-somma li tkun tista tintrebaħ tkun sostanzjali, x-xiri tal-biljetti jiżdied ħafna. Ikun hemm dawk li forsi flimkien ma sħabhom jixtru biljett bejniethom għax is-somma tħajjarhom, imma la jibqgħu neqsin huma minn affarijiet bażiċi u l-anqas uliedhom. Mhux fuq dawn qed nitkellem.

    L-informazzjoni li għandna direttament minn nies f’dawn is-sitwazzjonijiet turi li l-aktar li jkunu mħajjra huma dawk li qedin diġa fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar u l-istatistika turi li minn dawn għandna ftit eluf mhux ħażin. Nafu ukoll kemm għandna familji li qed jgħixu fuq l-għajnuna soċjali.

    U imbagħad ikunu ibbumbardjati b’riklami minn fuq kull mezz tax-xandir sabiex jittantaw xortihom. Riklamar li għalih m’hawn kontroll ta’ xejn anqas fuq il-ħin meta jixxandar… Donnu ħadd ma hu nkwetat fuq dan u fejn fuq ċertu prodotti wasalna li nifhmu l-effett tar-riklamar, fuq il-lotteriji għadna daqsxejn lura. Ngħid għalija kull meta nara ċertu riklami f’ħinijiet li t-tfal ikunu għadhom qed jaraw it-televixin ninkwieta fuq il-messaġġ li qed jaslilhom. Flok jitħeġġu sabiex jirsistu ħalli jtejbu s-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom, jisimgħu weda’ ta’ flus li tista tiġi mix-xejn.

    Qegħdin tard … għandna bżonn indaħħlu mill-aktar fis regolamentazzjoni li ma tħallix dat-tip ta’ riklamar isir kwalunkwe ħin tal-ġurnata jew jitpoġġa fil-gazzetti ta’ kuljum. Aktar ma ninnormalizzaw il-logħob, aktar isir parti reġolari mill-ħajja u aktar jigbru l-problemi ta’ min ma jiflaħx jilgħab.

    It-trażżin tar-reklamar flimkien ma’ kampanji edukattivi jgħinu jġibu l-bilanċċ meħtieġ. Imma tajjeb li ma nilludux ruħna u nserħu l-kuxjenza tagħna li la għandna xi kampanja għaddejja, allura issa kollox sew. Il-kontrolli huma meħtieġa, mingħajrhom ma nistgħux naraw il-bdil mixtieq. Il-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jistennew dan bi dritt għalkemm fir-realta mhumiex konxji ta’ dan id-dritt u l-istituzzjonijiet responsabbli għandhom id-dmir li jaraw li ħadd ma jitpoġġa f’dawn is-sitwazzjonijiet. Kemm l-għarfien tad-dritt kif ukoll il-pis tad-dmir jaqa fuq min għandu r-responsabbilta …..min qed jesperjenza xi problemi għajnuna għandu bżonn.

    Sina Bugeja
    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali