Ir-Responsabbiltà tas-Saħħa Pubblika

    Is-Saħħa huwa suġġett li jinteressa lil ħafna nies. Naraw kif meta jkun hemm dan is-suġġett qed jiġi diskuss fuq xi programm jew ieħor tar-radju, it-telefonati ma jonqsux. Ħafna nies iċemplu sabiex jistaqsu fuq xi ħaġa li qed jesperjenzaw huma u li forsi tkun qed toħolqilhom xi anzjeta.
    Imma s-Saħħa Pubblika hija ħafna aktar minn dak li jista jeffettwa lil individwu. Il-Konsulenti fis-Saħħa Pubblika huma speċjalizzati fuq dak kollu li jista jkollu influwenza fuq is-saħħa tal-poplu. Il-pariri tagħhom huma meħtieġa qabel kull deċiżjoni li tkun se titieħed għax kull deċiżjoni jista jkollha effett fuq is-saħħa tal-poplu kollu. Dan għandu japplika ukoll għal kull deċiżjoni politika għax dawn ukoll ikollhom effett fuq is-saħħa futura tal-popolazzjoni.
    Is-Saħħa Pubblika ma tiffukax fuq it-trattament tal-mard per se imma aktar fuq il-prevenzjoni sabiex popli sħaħ igawdu aktar il-ħajja peress li jkunu jafu x’inhu l-aħjar għalihom u x’għażliet iridu jagħmlu. Imma ukoll tmur oltre minn hekk. Taħseb kif id-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu ma jeffettwawx ħażin lin-nies.
    Ir-riċerka turina lis-saħħa hija fundamentali sabiex il-poplu jkun jista jgħix ħajja f’saħħtu u produttiva. U meta nsemmu l-produzzjoni insemmu ukoll l-ekonomija u għalkemm għal ħafna dawn ma jassoċjawhomx mas-saħħa, fil-verita is-saħħa hija ċentrali biex persuna tgħix ħajja sana u kuntenta u tkun tista tilħaq il-qofol ta’ dak kollu li tkun kapaċi tagħmel. Dan isir bl-għażliet li wieħed jagħmel imma ukoll bl-għażliet politiċi li jsiru fil-pajjiż.
    Mela jekk irridu li l-pajjiż jimxi l-quddiem u jistagħna, minn barra li naraw kemm qed jinħoloq xogħol, li huwa mportanti ħafna, irridu naraw li s-saħħa tal-poplu hija mħarsa minn kull ma jista jkollu effetti negattivi. Għalhekk għidt li s-Saħħa Pubblika hija mportanti ħafna. Wara d-deċiżjonijiet li jittieħdu tkun l-edukazzjoni l-għodda li tintuża sabiex jitwasslu messaġġi varji lil kategoriji tal-popolazzjoni skont ma jkun relevanti għalihom.
    Jekk tgħix ħajja f’saħħtek jew le jiddependi minn ħafna fatturi – l-ewwel hemm il-ġenetika tiegħek u din tiritha mill-ġenituri tiegħek u ma tantx hemm x’tagħmel ħlief li jekk taf li tkun suxxettibbli għal xi kundizzjoni, tara li tevita dak kollu li jista jwasslek għal sitwazzjoni negattiva.   Imma hemm affarijiet oħra li jaffettwaw s-saħħa bħal ma hu l-ambjent, ix-xogħol li tagħmel kif ukoll l-ikel li tiekol, jekk tagħmilx eżerċizzju jew le, jekk tikkunsmax alkoħol f’ammonti li huma detrimentali għas-saħħa, jekk tpejjipx jew tuża xi sustanzi oħra, jekk intix responsabbli fl-għażliet l-oħra kollha li tagħmel ta’ kuljum …  Jidher ċar li hemm żewġ binarji ta’ effett: dak li qed ikun deċiż minn min imexxi li jista jeffettwa l-ambjent per eżempju u dak li qed tiddeċiedi int fil-ħajja ta’ kuljum.
    Dawn ta’ l-aħħar huma totalment f’idejk jekk int adult u tagħmel id-deċiżjonijiet għalik nnifsek (għax it-tfal, per eżempju jiddependu minn dak li jagħmlu l-adulti f’ħajjithom). Il-kampanji edukattivi li għandhom l-għerq tagħhom fil-Promozzjoni tas-Saħħa huma parti ntegrali mill-messaġġi bl-għan li jtejbu s-Saħħa Pubblika. Dawn jgħatu l-informazzjoni flimkien ma’ l-għodda neċċessarja sabiex nagħmlu deċiżjonijiet infurmati.
    Is-Saħħa Pubblika fuq iż-żewġ livelli li semmejna aktar ‘l fuq għandha effett dirett fuq il-progress, fis-sens wiesa’ tal-kelma, ta’ kwalunkwe pajjiż inkluż Malta għax teffettwa b’mod dirett ir-riżorsa naturali li huwa l-bniedem u għalina din hija l-ikbar riżorsa.

    Sina Bugeja