Insalvaw il-ġejjieni ta’ pajjiżna

    Importanti li f’dan iż-żmien diffiċli li għaddej minnu pajjiżna, ilkoll niġbdu ħabel wieħed biex is-sitwazzjoni preżenti tissolva b’wiċċ il-ġdid u għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd. Għamel sew ħafna l-President tar-Repubblika, l-Eċċellenza Tiegħu Dr Ġorġ Vella, li fakkar lil kulħadd biex jikkonsidra l-konsegwenzi ta’ għemilu.

    “Malta jixirqilha aħjar”

    Ma nistgħux inħallu l-futur ta’ dan il-pajjiż jiġi ppreġudikat minn azzjonijiet bla sens ta’ ċorma ta’ fanatiċi politiċi li bl-aġir tagħhom ħolqu firda kbira fost il-poplu Malti u sitwazzjoni diġà diffiċli ħafna komplew għarrquha biex illum qed niffaċċjaw kriżi serja fil-pajjiż.

    Fuq naħa għandek grupp ta’ fanatiċi politiċi li ma jirrispettawx l-għażla demokratika tal-poplu sovran kif espressa permezz ta’ elezzjoni ġenerali u li qed jisservew b’kull okkażjoni possibbli biex jimminaw il-gvern, u dan kollu taparsi taħt il-kappa tas-soċjetà ċivili. Fuq in-naħa l-oħra ssib grupp ieħor ta’ nies li jaħsbu li għadna fis-snin sebgħin u tmenin fejn min ma jaqbilx miegħek toffendih u tgħajjru kemm tiflaħ biex issikket leħnu.

    Dan il-pajjiż ma jistax ikollu l-futur tiegħu li jkun iddettat mill-azzjonijiet tal-marmalja. Il-maġġoranza tal-poplu Malti huma nies tal-affari tagħhom li huma responsabbli f’għemilhom, ta’ rieda tajba u li jixtiequ l-aqwa ġid lil pajjiżhom u liċ-ċittadini kollha. Ma nħallux, għalhekk, numru żgħir ta’ nies li min għax għandu interess merċenarju, min għax ma jġerraħx opinjoni differenti, u min għax nieqes anke mill-edukazzjoni l-aktar bażika, qiegħed jipperikola l-ġejjieni ta’ pajjiżna u għalhekk, il-ġejjieni wkoll tiegħi, tiegħek u ta’ uliedna.

    Iva, kif qal tant tajjeb il-President tar-Repubblika, dan il-pajjiż jixraqlu aħjar.