Inkwetanti ħafna kif tneħħa Adrian Delia

    Jiena naħseb li l-elezzjoni ta’ Dr Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista mhux biss mhix se ssolvi l-problemi li għandu l-PN, anzi se żżidhom. Diġà qed naraw numru ta’ Nazzjonalisti, diżgustati b’kif saru l-affarijiet, jabbandunaw għal kollox lill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, dak li ġara fil-PN huwa tassew inkwetanti għal dawk kollha li jixtiequ tip ta’ politika aħjar f’pajjiżna u dan irrelevanti mill-opinjoni politika ta’ dak li jkun.

    Ħa nsemmi xi punti saljenti dwar dak li qed ngħid. L-ewwelnett, naħseb li kienet xi ħaġa ġdida u negattiva ħafna li għal tliet snin sħaħ rajna Kap ta’ partit politiku Malti jiġi sabutaġġjat minn min kien tal-istess partit u suppost kien leali lejh. Fil-passat kellna nies li ma kinux leali lejn il-mexxej tal-partit tagħhom imma mhux klikka sħiħa bħalma rajna fil-każ tal-Partit Nazzjonalista.

    Kellek imbagħad il-mod vili ta’ kif irraġunaw dawk li ssabutaġġjaw lil Adrian Delia. L-ewwel għamlu minn kollox biex ifalli, imbagħad akkużawh pubblikament li falla. Kellek ukoll l-indħil fil-kwistjoni ta’ min, għax hekk titlob l-etika, kellu jżomm ‘il bogħod milli jieħu pożizzjoni fuq dak li kien qed isir. Louis Galea suppost kien hemm biex jgħinu imma spiċċa ħa pożizzjoni kontrih. Lawrence Gonzi, bħala mexxej tal-passat, ma jmissu qatt indaħal fi kwistjonijiet li jirrigwardjaw dak li issa kien il-Kap, imma xorta waħda ndaħal u żgur mhux b’mod li ta daqqa t’id lil Delia.

    Kellek ukoll l-inkonsistenza tal-argumenti kontra Adrian Delia. Skont dawk li kienu kontrih, ma riedux Kap tal-Partit Nazzjonalista li jkollu ċerti dellijiet fuqu bħalma kellu Delia. Imma fil-każ ta’ Bernard Grech li anke hu kellu ċerti dellijiet fuqu rigward ħlas ta’ taxxa, dan ma kienx japplika. Dak “okay” għax Bernard Grech, mhuwiex Adrian Delia! – Forsi dan il-punt huwa l-iktar wieħed li jikxef l-ipokresija ta’ dawk li kienu kontra Adrian Delia.

    U jekk tistaqsuni: “Mela għaliex ħafna fil-Partit Laburista xtaqu li jibqa’ Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista?”

    Kien hemm imbagħad min ipprova jxerridha li Adrian Delia kien il-kandidat li kien ippreferut mill-Partit Laburista għal Kap tal-Partit Nazzjonalista għaliex bih fit-tmun tal-PN, il-PL kien assigurat li jkollu rebħa ċerta fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Din kienet allegazzjoni redikola għax in-nies qed jivvotaw fil-maġġoranza kbira tagħhom lill-Partit Laburista minħabba l-effiċjenza tiegħu fil-gvern u għal xejn aktar. Il-Gvern Laburista wera biċ-ċar li hu gvern kapaċi u li jwettaq, kuntrarju għall-gvernijiet Nazzjonalisti li ġew qabel.

    U jekk tistaqsuni: “Mela għaliex ħafna fil-Partit Laburista xtaqu li jibqa’ Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista?” – Ir-risposta tkun: “Għax jiddejqu jaraw nies żleali lejn il-Kap tagħhom stess tgħaddi tagħhom”. – Din kienet kwistjoni ta’ valuri. Il-valuri, ftit ftit, qed jisparixxu mill-arena tal-politika Maltija. Issa, b’dak li ġara fil-Partit Nazzjonalista missejna l-qiegħ. Huwa propju għalhekk illi l-mod tat-tneħħija ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-PN huwa ferm inkwetanti għal dawk kollha li jħaddnu prinċipji demokratiċi u li jixtiequ jaraw politika bbażata fuq il-valuri u l-prinċipji.

    Le, sinċerament ma narax futur sabiħ għall-Partit Nazzjonalista li issa għandu Kap pupazz tal-klikka tal-establishment tal-passat. Minflok mexa ‘l quddiem, il-PN mexa lura u fl-elezzjoni ġenerali li jmiss probabbli ħafna li jerġa’ jkollu riżultat bħal dawk tal-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali, jekk mhux anke agħar.