Inkomplu nnaddfu lill-Partit Laburista

    Dan hu ż-żmien għal deċiżjonijiet drastiċi. Ma nistgħux aktar inħallu isem il-Partit Laburista, l-ikbar partit politiku f’Malta, jibqa’ jitkaxkar fit-tajn minħabba klikka żgħira ta’ nies li daħlu fil-Partit mhux bħala servizz pubbliku imma biex jaraw kif jistgħu jieħdu vantaġġ personali minn fuqu billi jużawh biex javvanzaw l-interessi personali tagħhom.

    Kif ġieli tennejt fil-passat, il-maġġoranza assoluta tal-Laburisti huma nies onesti li jaħdmu minn qalbhom għall-partit u għall-pajjiż. Għalhekk, huwa kruċjali li l-Partit Laburista jitnaddaf mill-elementi kollha li ma jirrispettawx l-ideali li għalihom twaqqaf il-Partit fl-1920. Irridu bħala Laburisti nistaqsu lilna nfusna kif wasalna f’dan il-punt u kif se nagħmlu biex isem partit politiku li tant qed jikseb suċċess għal pajjiżna f’kull qasam jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu fl-aspetti morali u etiċi tal-amministrazzjoni.

    L-ewwel passi diġà qed jittieħdu mill-Prim Ministru u ta’ dan għandna nirringrazzjawh għax fejn jara l-inqas dell fuq xi ħadd, qed jieħu passi mill-ewwel. Madankollu, irridu wkoll immorru aktar fil-fond u naċċertaw li dak li ġara ma jirrepetix ruħu fil-ġejjieni. Irridu nibdew b’vetting aħjar tal-kandidati tal-Partit Laburista. Irridu nagħtu aktar importanza lill-integrità ta’ min jippreżenta ruħu biex jikkontesta għal xi kariga pubblika f’isem il-Partit Laburista, sew jekk għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali kif ukoll dawk għall-Parlament nazzjonali, u għall-Parlament Ewropew. Il-kriterju ma jridx ikun biss kemm persuna se ġġib voti lejn il-Partit iżda anke kemm dik il-persuna hija affidabbli, kemm għandha l-ġid pubbliku u s-servizz għall-oħrajn bħala l-ideali primarji tagħha.

    Irridu wkoll naqtgħu darba għal dejjem il-mentalità li li tirbaħ jiġi l-ewwel u qabel kollox. Xi ħaġa li kienet iddejjaqni ħafna f’dawn l-aħħar snin kienet l-idea u l-attitudni li ġieli konna nibbażaw il-politika tal-Partit Laburista fuq il-popoliżmu, jiġifieri dak li jwassal biex il-poplu jivvotalek. Ngħid għalija, jien dejjem qistu bħala tradiment tal-prinċipji li twaqqaf għalihom il-Partit Laburista li tirraġuna li jekk timxi fuq prinċipji xellugin biss ma tasal imkien u ma tirbaħ l-ebda elezzjoni. Kien dan it-tip ta’ raġunar li wassal biex il-Partit Laburista spiċċa viċin wisq tal-interessi tal-businessmen il-kbar f’pajjiżna u li wassal għall-qerda ta’ tant mill-ambjent Malti minħabba l-interessi tal-iżviluppaturi.

    Mhux b’kumbinazzjoni li ċerti żgħażagħ idealistiċi bdew iduru kontra l-Partit Laburista u jipprotestaw bil-qawwa kontra numru ta’ policies li kienu jibbenefikaw lill-gruppi żgħar ħafna ta’ nies għad-detriment tal-kumplament tal-popolazzjoni. U din ħasra għaliex il-maġġoranza assoluta tal-Maltin għandhom fiduċja fil-kapaċità tal-Partit Laburista fil-gvern li jkompli joħloq il-ġid għal pajjiżna u jġib aktar progress. Żgur li ħadd ma jista’ jiċħad li bħala suċċessi materjali dan il-gvern immexxi minn Dr Robert Abela u ta’ qablu mmexxi minn Dr Joseph Muscat huma bla dubju l-iktar gvernijiet ta’ suċċess mill-Indipendenza ‘l hawn.

    Anke l-maġġoranza tan-Nazzjonalisti, tneħħi dawk li għandhom biss interessi personali, jammettu li l-Partit Nazzjonalista ma jirrapreżenta l-ebda alternattiva kredibbli għall-Partit Laburista f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Għandek partit politiku fl-Oppożizzjoni li hu mifni bi ġlied intern; b’Kap li ftit igawdi fiduċja; gruppi ta’ Nazzjonalisti li jimxu għal rashom u jagħmlu fattihom mingħajr konsultazzjoni mal-partit; u ħafna ħela ta’ ħin fuq diskussjonijiet banali bħal dawk dwar l-isem tal-partit u l-motto tiegħu.

    Għalhekk, tajjeb li l-proċess ta’ tindif u tiġdid fi ħdan il-Partit Laburista jkompli. Tajjeb li l-Prim Ministru, Dr Robert Abela, jibqa’ juri l-aqwa kwalitajiet ta’ tmexxija billi ma jħares lejn wiċċ ħadd u jieħu d-deċiżjonijiet, anke iebsin ħafna, li hemm bżonn li jittieħdu għall-ġid tal-Partit Laburista u tal-pajjiż kollu. Tajjeb li l-poplu jifhem darba għal dejjem li issa għandna gvern ġdid Laburista li deċiż li l-iżbalji ta’ ftit individwi fil-passat ma jirrepetux ruħhom fil-futur.

    Ejjew inkomplu nnaddfu l-Partit Laburista biex il-bandiera tiegħu tibqa’ tperper bi kburija u bħala sinjal ta’ progress fil-pajjiż, b’kollox mibni fuq bażi soda ta’ integrità fil-ħajja pubblika.