Inħottu lil Malta u nibnuha fi tlett ijiem

    Dawn l-aħħar snin pajjiżna reġa’ għadda minn boom oħra tal-propjetà. Boom li kienet qawwija mhux ħażin. Bħalma kien hemm boom fis-suq tal-propjetà nnifsu kellna boom fl-iżviluppaturi tal-bini. F’daqqa waħda kulħadd sar żviluppatur u negozjant. Min xogħlu kien fuq skrivanija jew jagħmel xi xogħol manwali, f’daqqa waħda fettillu jċaqlaq il-flus ta’ taħt il-maduma, jixtri għalqa u jibni blokk appartament għal bejgħ.

    Ma hemm xejn ħażin dwar dan, iżda meta f’kamp ikollok xogħol tad-dilettanti, ir-riżultat se jkun wieħed dilettantesk. In-negozjanti tal-bini tant kibru li saħansitra nħolqot għaqda għalihom biex tipproteġi d-drittijiet tagħhom! Ma nħossx li għandi nidħol fil-mertu ta’ xi drittijiet iridu aktar.

    Dawn in-negozjanti tal-bini li faqqsu f’daqqa, ħolqu u ġġeneraw ħafna xogħol – ovvjament fil-qasam tal-kostruzzjoni. Xogħol li mhux dejjem sabu lil Maltin lesti biex jagħmluh. Fl-ewwel lok, is-suq ta’ dawn it-tip ta’ servizzi f’Malta ma kienx lest għal din il-kwantità ta’ xogħol f’daqqa u fit-tieni lok dan sar fi żmien li l-qagħad f’pajjiżna kien f’livelli baxxi ħafna. Per konsegwenza ndaħlu l-barranin – barranin kemm li kienu diġà qed jgħixu f’pajjiżna u oħrajn li ġew apposta biex jaħdmu mħajrin minn sħabhom preżenti, bit-tama li hawn se jsibu x-xogħol immedjatament. Il-maġġor parti ta’ dawn il-barranin huma jew nies mill-Afrika jew mill-Balkani. U hekk ġara. F’daqqa waħda l-barranin saru wkoll esperti fix-xogħol tal-bini Malti. Tara reklami ma’ vannijiet ‘Mohammed għall-aqwa kisi u tikħil fuq il-fil’, ‘Miroslav – bini fil-ġebla Maltija’. Kultant ma tafx tidħaqx jew tibkix. U kulħadd għaddej.

    Minn naħa l-oħra l-iżviluppatur jipprova jara kif jagħmel biex ikabbar kemm jista’. Jara kemm-il sular jista’ jinżel taħt l-art, u kemm jista’ jitla’ ’l fuq. Pressjoni indebita fuq il-periti li xi drabi biex jaqdu lill-klijent jagħlqu għajnejhom u jinsew li huma responsabbli daqs il-klijent għal li jista jinqala’ u għal kull difett fil-bini.

    Il-kuntratturi jimxu mal-ordni u addijo l-liġijiet, inkluż dawk ċivili fosthom dik li tgħidlek li meta tiskava u tqatta’ l-blat trid iżżomm distanza minima ta’ 76 ċentimetru mill-ħajt tal-ġar. Ħaffer hemm u sabiex jiġu frankati l-ispejjeż, it-tqattigħ mal-ħajt tal-ġar ma jsirx b’makkinarju apposta (li jeżisiti anke f’Malta) iżda jsir b’excavators li jġelġlu sa żewġ toroq ’il bogħod.

    Imbagħad jibda l-bini. Jiġi Miroslav jarma krejn daqshiex u jibda jtella’ l-ġebel u jgħaġġel kemm jiflaħ, kemm għaliex l-iżviluppatur hekk irid u kemm għax il-ġimgħa ta’ wara jrid jibda’ xogħol fuq lant ieħor.

    Babilonja sħiħa. Babilonja li ma tantx issarrfet f’riżultati sbieħ. Fl-aħħar sena kellna każijiet fejn il-propjetajiet waqgħu bin-nies ta’ ġo fihom b’kollox. Kellna każijiet ta’ diversi mwiet u korrimenti fuq il-post tax-xogħol. Kellna diversi ħsarat oħra fil-propjetajiet viċini; Kellna diversi lmenti minn nies li ma jistgħux jgħixu ħajjithom kif suppost kawża ta’ kostruzzjonijiet fil-viċinanzi. Is-sitwazzjoni ma setgħetx tibqa’ sejra hekk. Il-Gvern ukoll ħass li kellu jagħmel xi ħaġa. Ma setax iħalli kollox għaddej u jaffronta n-nies. Għalhekk mil-lum għal għada applika giljottina u waqqaf kull xogħol ta’ skavar u taħmil f’kull post u kull lant tax-xogħol f’Malta u Għawdex. Mal-ħażin laqqattha t-tajjeb u kulħadd. Mal-kbir laqqatha ż-żgħir. Min ried inaddaf biċċa art żgħira biex jibni garaxx għal karozza, tpoġġa fl-istess keffa ma’ min ried iħaffer erba’ sulari taħt it-triq biex jibni kumpless. Wara diversi ġimgħat is-sitwazzjoni għadha status quo. Il-Gvern ma jistax iħalli din il-forma ta’ inġustizzja għaddejja. Ġaladarba ddeċieda li jintervjeni għandu jwassal il-vapur fil-port kemm jista’ jkun malajr. Għandu fuq kollox jagħmel distinzjoni bejn każ u ieħor kemm jista’ jkun malajr.

    M’iniex nikkundanna lill-Gvern talli waqaf fuq saqajh. Xi ħaġa riedet issir bilfors. Iżda ġaladarba għażel li jieħu miżura drastika u ta’ malajr għandu jsib is-soluzzjoni malajr, u dan f’ġieħ dawk il-każijiet ġenwini. Jekk is-sitwazzjoni se titwal u tibqa’ hekk b’mod indiskriminatorju, jista’ jkun il-każ li l-Gvern jista’ jkun responsabbli anke għad-danni vis-à-vis iċ-ċittadin.

    Minn naħa l-oħra l-Gvern hu fid-dmir li jimplimenta ċerta kontrolli fuq din l-industrija li issa spiċċat qisha mostru jaħkem gżiritna. Żgur li ma hemmx lok għal dan il-paniku kollu ta’ bini bla rażan, fejn jidher illi l-provvista qed taqbeż id-domanda. Barra minn hekk il-Gvern hu fid-dmir li ma jkomplix iħalli d-djar tagħna, ta’ missirijietna mibnijin b’tant karatteristiċi ħelwin b’mod tradizzjonalment Malti, jitwaqqgħu biex minflokhom jinbnew blokok ta’ kerrejjiet moderni. Kerrejjiet li fil-futur jistgħu jwaqqgħu l-livell tal-għajxien f’pajjiżna. Iżda dwar din it-tema nitkellmu aktar ’il quddiem.