Inġustizzja maċ-ċivil

    Il-progress fil-pajjiż ma jiddependix biss mid-deċiżjonijiet politiċi għaqlija u f’waqthom iżda minn eluf ta’ uffiċjali pubbliċi li jwettqu dawk id-deċiżjonijiet u jassiguraw li jagħtu l-frott tagħhom. Ta’ spiss, iċ-ċivil, hekk kif inħobbu nsejħulu, ikun dak li jrid isewwi l-iżbalji tal-politiċi u li jrid jistinka biex jagħti r-riżultati mixtieqa lill-poplu tagħna.

    Ir-rivelazzjonijiet reċenti taċ-Ċhairman tal-MFSA u l-Avukat ewlieni tiegħu li marru vakanza mħallsa bil-privileġġi kollha jagħtu l-pariri lil Sid is-17 Black, dak li allegatament bi sħab ma Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat ikkorrompew pajjiż, għalija ma turix biss kemm hi fond l-ħsara fil-Gvern laburista. Għalija din il-viċenda toħroġ il-kuntrast qawwi bejn l-uffiċjali pubbliċi tla-affari tagħhom li joqgħodu lura minn kull sitwazzjoni li tpoġġihom f’ambigwita, kunflitt jew dubju fuq l-imparzjalita tagħhom, u dawn iż-żewġ individwi li bla mistħija poħħew lilhom infushom f’sitwazzjoni evidenti ta’ kunflitt ta’interess u nuqqas ta’ imparzjalita.

    Il-kuntrast joffendi aktar meta wieħed iqis li bħalissa hemm mijiet ta’ uffiċjali pubbliċi li qed jippruvaw inaddfu l-ħmieġ li ħoloq ħaddieħor fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta u qed iniedu serje sħiħa ta’ miżuri u riformi bil-ħsieb li Malta tevita l-Grey-listing tal-Moneyval. Filwaqt li dawn qed jippruva w jgħolluna l-fuq, is-Sur Cuschieri u s-Sinjura Licari komplew jgħoddsuna l’isfel.

    U x’jagħmel il-Prim Ministru Abela? Lil min għażel li jappoġġja? Lill-uffiċjali pubbliċi integri u l-isforzi tagħhom jew lil dawk li marru vakanza ma’ Yorgen u kisru bl-aktar mod sfaċċat ir-regoli tas-servizz pubbliku?

    Peter Agius, Kandidat MEP u espert fuq l-UE

    Kellimni@peteragius.eu