Indawwar l-attakki fuqi f’politika tan-nies

    Baqa’ issa xahrejn għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. U għalhekk mhi ebda sorpriża li l-Partit Laburista qed jerġa’ jdawwar il-kanuni tiegħu fuqi, fuq Roberta u Francis. Għax dawn hekk jagħmlu. Imma qishom għalija għandhom post speċjali: in-numru wieħed fuq il-lista tal-miri tagħhom. Jew iħobbuni wisq jew ma nafx. Imma ġurnata iva, ġurnata le, wiċċi dejjem fuq l-iscreens tal-media Laburista jkun.

    Ħa nkun ċar. Mhux għax niddejjaq. Jien ilni fil-politika minn meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel u dejjem tgħallimt: jekk ta’ kontrik jattakkawk, sinjal li int effettiv. Allura l-attakki fuqi neħodhom bħala kumpliment, li qed nolqothom fil-laħam il-ħaj.

    Però ta’ Kastilja bħal donnu ma jistgħux jifhmu – jew ma jridux jifhmu – li jien la nirrispondi lilhom u wisq anqas nagħti kas ta’ dak li jriduni nagħmel. Anzi, bil-kontra. Jien fuq il-lista tiegħi, erba’ kelmiet issib: il-poplu Malti u Għawdxi. Għal dawk jiena nqum kuljum, naħdem u nistinka. Għal Malta – Malta tal-Maltin u l-Għawdxin, u mhux ta’ erba’ minn nies li l-poter tela’ għal rashom.

    Jien m’għandix ħin x’naħli fuq iċ-ċuċati li joħolmu bihom ta’ Kastilja. Drajthom u tgħallimt ma nagħtix kas. Minflok, il-ħin kollu tiegħi niddedikah għan-nies – kull fejn inkun, minn Brussell, għal Strasburgu u Malta u Għawdex kull ġimgħa. Fil-fatt, kull ġimgħa jiena ndur in-negozji u l-familji fid-distretti, bliet u rħula differenti ta’ Malta u Għawdex. Kullimkien.

    Għalija, dik hi l-politika vera: il-politika tan-nies, il-politika man-nies, il-politika għan-nies. Min-nies trid tisma’, mingħand in-nies trid tifhem u minn fuq in-nies trid tibni l-politika tiegħek. Hekk għamilt għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena u hekk beħsiebni nkompli nagħmel.