In-nixfa u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

    Għalkemm oriġinarjament kont xettiku, ikolli nammetti li din in-nixfa li ħakmet il-pajjiżna ma hi qed tgħoġobni xejn. Ilna mingħajr qatra ilma sura ta’ nies minn Novembru li għadda. Jekk wieħed iħares lura f’dawn l-aħħar ħames snin, din mhix l-ewwel sena li ntlaqatna minn nixfa simli.

    Il-problema hi ta’ dawk in-nies li jilbsu l-boots u li jimxu fuq il-ħamrija

    It-tibdil fil-klima llum jidher ħaġa realistika aktar milli kien sa ftit snin ilu. Jekk sa ftit snin ilu t-tibdil fil-klima kienet tidher li hi problema biss fuq il-mejda diskussa minn dawk in-nies li jilbsu l-ġlekkijiet u jimxu fuq it-twapet il-ħomor, illum il-problema hi ta’ dawk in-nies li jilbsu l-boots u li jimxu fuq il-ħamrija. Dawn tal-aħħar qed jaraw li l-problema issa hija waħda realistika għax qed iħossuha b’idejhom u anke fi bwiethom. Min-naħa l-oħra min irid jiekol mingħand dawn in-nies qed iħoss il-problema wkoll.

    Wasal iż-żmien li t-tibdil fil-klima neħduh aktar bis-serjetà u nagħmlu l-almu tagħna mhux biss f’Malta iżda mad-dinja kollha. Konvint illi l-impatt il-kbir ġej mill-aktar pajjiżi industrijalizzati li jridu jkunu huma li jerfgħu l-piż il-kbir.

    Iżda f’Malta għandna problema oħra meta qed tiġi l-kwistjoni tal-ilma. F’Malta għandna l-kwistjoni tal-ilma tal-pjan li hu riserva ta’ ilma taħt l-art ’il fuq mil-livell tal-baħar. Lil hinn mill-ilma ħelu mbagħad hemm l-ilma mielaħ. Dan l-ilma jaqa’ fir-responsabilità tal-Awtorità għar-riżorsi kif ukoll tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma – (Water Services Corporation). Għal snin twal eżistew boreholes awtorizzati li jtellgħu dan l-ilma biex imbagħad jiġi mqassam fid-djar tagħna.

    Sfortunatament f’dawn l-aħħar snin dan l-ilma qed jittella’, jittieħed u jiġi użat bla rażan, minn nies li għamlu borehole u konvenjentament itellgħu dan l-ilma. Fis-snin disgħin kienet ħarġet skema biex kull min kellu borehole jirreġistraha. Min irreġistra u min le. Iżda apparti daqshekk ftit li xejn sar aktar. Minn dakinhar sal-lum ġew imħaffra mijiet jekk mhux eluf ta’ boreholes ohra.

    Minn dawn il-boreholes kontinwament qed jiġi misruq l-ilma tal-pjan. Ilma li fl-aħħar minn l-aħħar hu tiegħi u tiegħek. Hemm min itella’ dan l-ilma biex jużah fl-agrikoltura; hemm min itellgħu biex jużah fid-djar jew fi stabbilimenti kummerċjali; hemm min jużah għal xi biċċa ġnien żgħir jew għalqa żgħira ngħid jien b’mod kapriċċuż u hemm min itellgħu biex jagħmel il-flus minnu, ċioè biex ibigħu.

    Konvint illi l-awtoritajiet tal-ilma u r-riżorsi jafu b’dawn l-abbużi. Konvint li bħal kulħadd jaraw bowżers enormi li jqassmu l-ilma għaddejjin mat-toroq tal-gżira, konvint li jafu li dawn in-nies l-ilma mhux qed iġibuh mill-bir li għandhom fil-ġnien,  konvint li jafu illi l-ilma tal-pjan naqas sew u hemm ċans li jasal l-ilma mielaħ b’mod illi l-ilma ħelu jintilef darba għal dejjem. Iżda bir-rispett kollu jidher li f’din il-ħaġa min hu responsabbli qiegħed hemm biex isaħħan is-siġġu għax rari biex ma ngħidx qatt ma tisma’ illi ttieħdet xi azzjoni kontra min qed jabbuża.

    Mal-liġijiet hemm il-multi 

    Hemm bżonn ta’ infurzar u infurzar bis-serjetà. Il-liġijiet hemm qegħdin u fihom magħhom il-multi. Iżda dawn il-liġijiet mhumiex qed jiġu inforzati. U jekk hemm bżonn ta’ liġijiet aktar ħorox għandhom isiru minnufih. Naf li impossibbli taqbad lil kulħadd, iżda jekk jibda jsir l-infurzar bis-serjetà, ħafna minn dawk li qed jabbużaw weħidhom jirranġaw is-sitwazzjoni. Għandu jkun hemm eċċezzjonijiet regolati, għal min ġenwinament qiegħed fl-agrikoltura, speċjalment jekk ma jkollux sorsi alternattivi (bħal second class water) fejn f’nixfiet bħal dik ta’ din is-sena għandhom ikollhom dan ir-rimedju. Ovvjament dan isir billi jiġi mkejjel l-ilma użat u jsir il-ħlas tiegħu.

    Iżda mill-bqija abbużi oħra jridu jiġu indirizzati. Fejn l-individwu ma jridx jagħlaq il-borehole tiegħu għandu jħallas miżati li jkunu għoljin, li jkunu ta’ deterrent biex wieħed itella’ l-ilma kapriċċożament u liema miżati jmorru għal proġetti favur l-ambjent bħalma hi l-afforestazzjoni. Iżda li nħallu kollox għaddej qisu qatt ma kien xejn ma jistax ikun. Ma nistgħux nib1għu bil-kultura li s-soluzzjoni nippruvaw insibuha wara li l-problema tkun diġà refgħet rasha.