In-Nanniet

    Għalkemm il-ġurnata ddedikata lin-nanniet għadha ma waslitx, xorta xtaqt nikteb fuq dan is-suġġett għaliex naf kemm hawn nanniet li jieħdu ħsieb in-neputijiet tagħhom waqt il-vaganzi tas-Sajf.
    Bla dubju ta’ xejn il-fatt li tkun nanna jew nannu jtik opportunitajiet varji, bħal taqsam l-interessi tiegħek ma’ persuni oħra, tara d-dinja minn għajnejn ta’ tifel jew tifla, terġa tibda tilgħab u tirrakkonta l-istejjer u anke tagħmel visti f’postijiet ta’ nteress sabiex trawwem sens ċiviku fit-tfal u ħafna affarijiet oħrajn.
    Ħafna drabi illum it-tfal jgħaddu ħin mhux ħażin man-nanniet jew għax il-ġenituri jaħdmu jew bħala parti mill-vaganzi imorru jgħaddu ftit ġranet flimkien. Il-fatt lir-responsabilta mhix kollha fuq in-nanniet (għax il-ġenituri huma preżenti ukoll) toffri opportunita ta’ relazzjoni differenti milli għandhom il-ġenituri mat-tfal. Din id-differenza taf ukoll toħloq rabta speċjali li twassal għal mumenti li ma jintesew qatt.
    Apparti ħafna ġid ieħor, in-nanniet huma dawk li jwasslu l-istorja tal-familja lit-tfal, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet li kull familja jkollha u dan joħloq sens ta’ identita. Huma ukoll jgħaddu lit-tfal abiltajiet partikulari relatati ma’ kif jgħixu l-ħajja. In-nanniet għandhom rwol partikulari u dan jiddependi mill-bżonnijiet li kull familja jkollha.
    Ċerta li n-nanniet kollha jieħdu ħsieb in-neputija bl-aħjar mod possibbli imma jekk isiru ċertu żbalji, jinħoloq diżgwid li ma jagħmel xejn ħlief ħsara. L-importanti huwa li n-nanniet ma jippruvawx ikunu huma l-ġenituri. Iridu jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-ġenituri fuq it-trobbija tat-tfal u mhux ikunu parti minn tfixkil li t-tfal mill-ewwel jgħarfu u jimmanipulaw.
    Ħafna drabi n-nanniet jieħdu gost jixtru ġugarelli u affarijiet oħra bħal ħwejjeġ lin-neputijiet. Importanti li ħadd ma jaħseb li se jixtri l-imħabba u r-rispett tat-tfal bir-rigali. Jagħmel aktar sens li f’okkażjonijiet partikulari nistaqsu lill-ġenituri jekk għandhomx bżonn xi ħaġa partikulari t-tfal u imbagħad nixtru dak li jkun meħtieġ. Ix-xiri tal-ħelu jaf joħloq ħafna problemi speċjalment jekk ir-regoli tal-ġenituri f’dan ir-rigward ma’ jkunux mħarsa. Ma ninsewx li rigal jista jkun ukoll mawra sa xi mużew jew post ieħor ta’ nteress li l-ġenituri ma jkollhomx ħin jagħmlu. B’hekk il-ħin flimkien jaf ikun ħin edukattiv ukoll.
    Ħaġa oħra li ġġib anke ġlied fil-familji huwa l-fatt li l-ewwel neputijiet jingħataw rigali kbar u jiswew ħafna flus u imbagħad meta jaslu oħrajn warajhom, wieħed ma jkunx kapaċi jibqa’ jonfoq dawk it-tip ta’ flus. Ngħidu aħna lin-neputi/ja l-kbira ħadnihom safra imma imbagħad lil ta’ warajhom ma’ konniex kapaċi nghatu l-istess. Importanti li lin-neputijiet kollha nittrattawhom l-istess u mhux ta’ wieħed / waħda minn uliedna mod u ta’ oħrajn mod ieħor. 
    Bħal kull ħaġa oħra jekk ma’ nkunux ċari dwar ir-regoli li se nimxu fuqhom aktarx noħolqu problemi bla bżonn. Diskussjoni għaqlija mal-ġenituri tat-tfal twassal sabiex ikun stipulat ċar x’inhu r-rwol tan-nanniet u x’inhu mistenni jew aħjar x’inhu dak li jista jingħata minn nanniet.
    Il-ħin li t-tfal jgħaddu man-nanniet jaf ikun ħin ferm sabiħ li jibqa miftakar, imma jaf ikun ukoll ħin ta’ stress għal kull min hu nvolut. Bi ftit preparazzjoni u ppjanar u ddjalogar kapaċi jsir ħin ta’ gost għal kulħadd.
     
     
    Sina Bugeja

    Ixxerja din l-istorja

    L-Artiklu ta' QabelIl-Grillu
    L-Artiklu li JmissL-ALS

    Ikkummenta