Imwejjed, siġġijiet u umbrelel

    Unsplash

    Is-sajf għadda u bdejna t-tmien xhur twal tax-xitwa. Qed ngħid hekk għaliex f’pajjiżna qisu l-istaġuni jiġu assorbiti bejn dak li hu s-sajf u l-vaganzi li jġib miegħu u l-bqija tas-sena. Kellna sajf xi ftit qalil aktar mis-soltu u dan ċertament żied il-mawriet fejn il-baħar u bajjiet popolari.

    Ma’ dawn il-mawriet żgur li jmorru tajjeb dawk li joperaw negozji f’dawn l-istess bajjiet u xtajtiet. Kemm dawk tal-bars u ristoranti kif ukoll dawk li jikru umbrelel u deckchairs fejn il-baħar fuq ix-xtajtiet.

    Però s-sitwazzjonijiet ta’ ħafna minn dawn saret waħda estrema. Jidher illi ħafna minn dawn in-negozjanti jridu jieklu b’żewġt iħluq u qed jagħmlu dan a skapitu tal-bqija tal-poplu li għandu dritt daqshom igawdi l-propjetà pubblika. Minn naħa tal-awtoritajiet jidher li huma kuntenti b’din is-sitwazzjoni diskriminatorja għaliex mhux biss f’ħafna każijiet qed jagħlqu għajnejhom iżda fil-maġġor parti tal-każijiet qed jilliċenzjawhom u jagħtuhom il-permessi opportuni.

    Bħala Għawdxi se nagħti eżempji minn Għawdex però moralment konvint illi f’Malta jeżistu sitwazzjonijiet simili jekk mhux agħar. Jekk tieħu pereżempju l-Menqa Marsalforn, sa ftit snin ilu kien hemm area kbira adekwata quddiem il-ħwienet, imbagħad kien hemm spazju tajjeb anke biex jgħaddu tliet vetturi u qabel ma jibda l-baħar kien hemm parkeġġi għall-vetturi inklużi għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan l-aħħar jidher illi r-restoranti mhux biss qed jokkupaw l-arja vasta li tiġi quddiemhom li ħafna minnhom amalgamawha mal-ħanut tagħhom, għamlulha bankina u jsakkruha b’ċavetta, iżda talli okkupaw l-arja fejn qabel kien il-parkeġġ qabel il-baħar, u parti fejn qabel kienet it-triq, tant illi llum żewġ vetturi bilkemm jgħaddu, meta qabel kien hemm wisa’ konsiderevoli.

    Fil-każ ta’ Marsalforn speċjalment il-Menqa żġur illi l-poplu ġie mċaħħad minn spazju adekwat a skapitu ta’ gwadann ta’ ħaddieħor. F’bajjiet oħra bħax-Xlendi s-sitwazzjoni hi l-istess u f’restorant partikolari rajt imwejjed u siġġijiet saħansitra fuq ir-ramel fejn jgħumu n-nies.

    Is-sitwazzjoni tal-umbrelel u deck chairs hija agħar minn hekk. Dak li konna nistudjaw fil-liġi u li ilu ġej mil-liġi Rumana, u cioè li x-xtajta hi extra commercium, jiġifieri li ma jistgħux isiru kuntratti dwar ix-xtajtiet, ġie miksur mill-Gvern innifsu meta għamel diversi kuntratti fejn ippermetta nies li jokkupaw ix-xtajta b’umbrelel u deck chairs u imbarazz ieħor għad-dannu ta’ min jixtieq igawdi ix-xtajta u l-baħar. Illum dawn it-talin jarmawlek l-affarijiet tagħhom fuq ix-xtajtiet u jokkupawlek il-maġġor parti tax-xtajta. Imbilli l-gvern ħareġ ordnijiet li jitħallew partijiet żgħar fejn jista’ jgawdi l-pubbliku xorta ma għamilx ġustizzja mal-pubbliku. Il-pubbliku għandu jgawdi l-maġġorparti tax-xtajta u mhux rokna minnha biss. Min hu liċenzjat għal dawn id-deckchairs u umbrelel ma għandux jitħalla jpoġġihom fuq ix-xtajta minn qabel. Qabel xejn għandu jkun hemm limitu ta’ kemm ikun hemm deck chairs disponibbli u min jikrihom għandu joqgħod fuq barra tax-xtajta u l-klijent jeħodhom minn hemm u jagħmilhom fejn irid hu.  Hekk forsi jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-drittijiet ta’ kulħadd.

    L-agħar ħaga hi li l-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom fejn jaraw il-ksur ta’ Liġi anke meta dan ikun bil-goff. La l-pulizija, la l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-anqas l-Awtorità tal-Artijiet, ma għandhom ħeġġa jagħmlu xejn minn jeddhom. Jekk ikun hemm rapport jaġixxu u jekk ir-rapport jiġi minn fuq jaġixxu b’ċerta eċitament, iżda aktar minn hekk xejn. Din is-sitwazzjoni qed tkompli ssawwat lill-poplu Malti li kultant hu wisq dgħajjef jew beżgħan biex jitkellem, forsi għax ħafna drabi l-vuċi tiegħu ma twassalx,  jew forsi għaliex il-biċċa ħobż li jkun kiel igġiegħlu jżomm fommu magħluq. Iżda dan mhux ġust, l-awtoritajiet fdati bil-poter għandom ikunu konxji koxjenzjożament li l-ġid li l-poplu fdalhom f’idejhom jamministrawh fl-interess tal-ġid komuni, billi joħolqu bilanċ bejn l-interessi tan-negozjanti u l-interessi tal-poplu.