Imma tgħid ngħidilhom hekk?

    "Ibda agħmel dak li huwa neċessarju, imbagħad dak li huwa possibbli, u f'daqqa tinduna li qiegħed tagħmel l-impossibli." – San Franġisk t'Assisi
    Kemm il-darba nistaqsu f’qalbna din il-mistoqsija u nibqgħu nitħassbu sakemm forsi xi ħaġa minn dan kollu tibda tagħmel sens. Nitkellmu ħafna dwar il-bidla, imma din kemm nafu xi tfisser? Kulħadd medi jbiddel kif jaqbel lilu? Jew kif inhu l-aħjar għas-soċjetá? Kemm il-darba jqumu dawn il-mistoqsijiet waqt diskussjonijiet li jkollna mal-ħbieb jew f’xi komunitajiet oħra li aħna nagħmlu parti minnhom, imma mhux dejjem inkunu kapaċi naffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet li jkollna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-bidla soċjali hija l-proċess effettiv ta’ bdil fl-attitudnijiet, valuri u azzjonijiet oħrajn biex nindirrizzaw problemi soċjali bl-iktar mod pożittiv. Kulħadd, hu min hu, u ta’ kull etá jista’ jkun aġent tal-bidla soċjali.
    Tmur fejn tmur dejjem tisma’ fuq xi ħaġa li għandha tkun xi ftit aħjar jew li għandha tinbidel. Huwa fatt magħruf li l-bidla hija tajba, imma tagħmel suċċess biss jekk tkun moderata. Bla ma rridu llum b’xi mod faċli nispiċċaw f’nofs kontroversja. Huwa għaldaqstant tajjeb li nkunu infurmati sewwa ħalli fejn nistgħu dejjem nikkontribwixxu, min bil-ftit u min bil-ħafna. Nitkellem għalina ż-żgħażagħ, hemm ħafna kontroversji dejjem għaddejin bejnietna u hemm ukoll ħafna għaqdiet rappreżentattivi li jaħdmu biex iwaslu l-oppinjoni tagħna. Bħalissa hekk kif għadna nibdew sena skolastika ġdida, tkun għaddejja fiera fil-campus tal-Universitá fejn tista’ tgħid kulħadd jippromovi l-ideat u l-valuri tal-għaqda li jirrapreżenta. Dal-mument huwa eżempju ċar tal-opportunitajiet fost oħrajn li bħala żgħażagħ aħna jkollna biex inkunu aġenti tal-bidla fis-soċjetá. Sfortunatament il-midja llum il-ġurnata tagħmel differenza kbira f’dak li ngħidu, naħsbu u ngħamlu. Nażżarda ngħid li l-midja saret tinfluwenza kollox hi, u kulħadd isibha iżjed faċli jikkwota lill-midja aktar milli jaħseb f’alternattiva hu. Din il-mentalitá qegħdha bil-mod il-mod tkisser il-kultura ta’ stħarriġ u riflessjoni personali li wieħed jagħmel biex jgħaqqad l-ideat u l-ħsibijiet tiegħu.
    Wieħed mill-ikbar fatturi li jtellef deċiżjoni għaqlija hija l-għira, għax ħafna drabi nedhew nistaqsu x’inhu jagħmel ħaddieħor u ftit naraw x’inhuma l-bżonnijiet l-aktar li jkollna bżonn biex verament nieħdu deċiżjoni tajba u kif juri l-ferħ li jkollna f’qalbna. Wara din hemm ukoll il-mistħija, li ħafna drabi żżomm lil uħud milli jesprimu lilhom infushom mal-oħrajn, anke aktarx minħabba peer pressure fil-grupp. Ċertu nies jippruvaw ikissru l-ideat tagħna u oħrajn jispiċċaw ibgħatu l-inġustizzja. Għalhekk importanti ħafna li ngħinu lil xulxin ngħatu vuċi tajba lill-opinjonijiet tagħna. Tajjeb niftakru f’dak li kienu jgħidu missirijietna; li aħna lkoll f’baħar wieħed! Min jaf kemm il-darba ħallejna ħsibijiet u ideat f’moħħna jtiru mar-riħ, li aktarx setgħu kienu sempliċi biex ngħiduhom imma li kienu jħallu differenza qawwija fl-ambjenti li ngħixu fihom. Hemm espressjoni oħra li ta’ min insemmi; il-mistħija ma tgħamilx nies! Għaldaqstant fattur li huwa importanti ħafna fid-deċiżjonijiet li nieħdu hija l-komunikazzjoni. Din tgħina iżjed nieħdu deċiżjonijiet bilanċjati u raġonevoli, u anke tgħina nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna man-nies ta’ madwarna. Bosta żgħażagħ ikollhom iċ-ċans għal diversi esperjenzi f’kulturi differenti ma- nies oħrajn minn madwar id-dinja, bħal meta fost iż-żgħażagħ ta’ spiss jiġu organiżżati seminars u exchanges ma’ gruppi ta’ żgħażagħ f’ pajjiżna u anke f’pajjiżi oħrajn ‘l hinn minn xtutna. Allura tkun ħsibt bil-għaqal u xorta ma tesprimix ħsibijietek?
    Illum niltaqgħu ma’ ħafna problemi differenti fis-soċjetá u ħafna drabi jkunu ta’ piż kbir fuqna u fuq ta’ madwarna. Ilkoll inħossuna li iktar ma jgħaddi ż-żmien iżjed jiżdiedu l-problemi li jkollna niffaċċjaw f’ħajjitna. Huwa għalhekk importanti li meta nitkellmu dwar xi ħaġa li tkun qed ittaqqal il-ħsieb tagħna, naħsbu ftit f’kemm tajjeb setgħa sar jew stajna għamilna. Biex id-dinja tkun xi ftit aħjar, hemm bżonn li kulħadd ikun aġent tal-bidla soċjali ħalli hekk, b'mod attiv noħolqu ambjenti aktar suguri, u futuri tajbin u iżjed b’saħħithom fir-relazzjonijiet tagħna, fil-komunitajiet u fid-dinja tagħna. Irridu nkunu kapaċi naċċettaw għażliet konsenswali u b’rispett, ħalli nevitaw li jkollna l-vjolenza u pressjoni ħażina mill-ħbieb tagħna. Is-soċjetá nnifisha toffri spażju kreattiv lil ħafna żgħażagħ biex tgħinhom jiżvilluppaw it-talenti tagħhom u b’hekk jaslu biex jieħdu deċiżjonijiet iżjed bil-għaqal.
    “Change your thoughts and you change your world” wieħed darba kien qal. Għaliex veru jekk inkunu kapaċi nkunu aħna l-ewwel li nsibu alternattivi oħrajn li jgħinu lis-soċjetá tkun aħjar, hekk ukoll nies oħrajn jitħajru minna u joħolqu iżjed iniżjattivi li jtejbu l-istil ta’ ħajjitna.