Il-waqt tal-prova: Il-PM fadallu triq…

    ‘Il-Prim Ministru, Dr. Joseph Muscat fadallu triq’… Hekk kont qed naħseb waqt li kont qed ngħaddi ż-żmien nagħmel xi xogħol manwali.
    Pajjiżna ilu msallab bi tribaliżmu politiku għal ħafna snin. Fl-2013, il-maġġoranza kbira tal-Maltin u Għawdxin ivvutaw għall-għajta u wegħda ta’ Joseph Muscat biex jgħaqqad il-pajjiż darba għal dejjem. Is-sejħa kienet Malta Tagħna lkoll.
    In-nies, Maltin bħalna, xtaqu li l-oppressjoni politika tispiċċa darba għal dejjem. Xtaqu li nistinkaw flimkien biex jintlaħaq livell ta' għajxien li jassigura dinjità tul il-ħajja kollha u sħiħa ta’ kulħadd. Pajjiż magħqud, iggvernat b’mod nadif u meritokratiku.
    Mill-2014 kien sar ovvju li l-Prim Ministru kien qed jitlef il-ġlieda biex jgħaqqad il-pajjiż, minħabba ċertu elementi fil-Partit Laburista, forsi wkoll minħabba dak li ġie mwiegħed dwar il-finanzjament tal-partit, kif ukoll minħabba dawk  l-imsieħba l-ġodda li ngħaqdu mal-gvern (l-istess nies li kienu farrku l-PN), li lkoll poġġew ir-regħba qabel kull interess nazzjonali. Il-Gvern inħataf u  minħabba raġuni jew oħra, bdew jagħmlu li jridu mingħajr biss ħadd ikellimhom. ‘Issa wasal iż-żmien li ngawdu’… nissopponi li jgħidu.
    Qed ngħixu fiż-żmien ta’ Post-Malta Tagħna Lkoll. Fejn il-leħen tar-raġuni ntilef. Fejn il-fibra morali bdiet tgħib. Fejn l-awtonomija tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet bi ħsieb ulterjuri, marru l-baħar. Fejn l-impunità bdiet tinħass.
    L-elezzjoni tal-2017 saħħnet aktar l-irjus u d-delitt makabru tal-ġurnalista Daphne, tefa' aktar melħ fuq il-ferita. Dak li jien tennejt fl-ittra tar-riżenja tiegħi minn Whip tal-Gvern, issa hu ċar daqs il-kristall. Kull min jipprova jiftaħ l-għajnejn jew jikkritika l-inġustizzji li nibtu, jigi attakkat mill-magna propogandista, li tant kattret firda u mibegħda, li f’Malta spiċċajna ngħixu f’ żewġ dinjiet. Pajjiżna spiċċa mhux normali. Ir-raġunijiet huma varji.
    Din il-ġimgħa, il-Partit Demokratiku talab lill-partiti politiċi l-kbar biex ipoġġu l-Interess Nazzjonali u dak tal-pubbliku qabel kull interess ieħor, inkluż dak tal-partit. Tgħid l-appell jaqa' fuq widnejn torox?
    Imma jkolli nistqarr. L-irjus tant issaħħnu mill-magni qarrieqa tal-partiti l-kbar, li l-attitudni ta’ ‘min mhux magħna hu kontra tagħna’ rabbiet għeruq tant fondi u fertili li anke ħonqot il-mezzi soċjali. Saħansittra ċertu nies ġew ittimbrati, u din il-ġerħa nfettat il-lant tax-xogħol, tant li t-tolleranza politika, id-dritt tal-fehma u assoċjazzjoni għosfru. Bosta huma dawk li jibżgħu juru fehmithom. Hawn ħaddiema li għajjew jaqilgħu “swat", b'disprezz, insulti u intimidazzjoni. Swat kattiv mentali, li minflok isib is-sapport, isib persekuzzjoni u iżolament.
    F’Post Malta Tagħna lkoll id-dijanjożi hi waħda: spiċċajna fl-aqwa żmien fejn l-abbuż tal-poter u l-impunità jirrenjaw. Spiċċajna ntektku s-sisien tad-demokrazija.
    Il-Prim Ministru jaf x’għandu jagħmel. Jien nibqa’ bit-tama. Għadna f’ħin waqtu. Ikolli nistqarr, nitkexkex u nitbikkem kull meta l-aħbar internazzjonali turi stampa mdallma dwar pajjiżna.
    Hemm bżonn li l-Gvern PL jindem, inaddaf lilu nnifsu, iħares lejn is-sostenn vera tal-pajjiż u jassigura li titħares is-saltna tad-dritt.
    Aħna nazzjon ċkejken bi kwalitajiet sbieħ.  Għandna wisq x’ nitilfu.