Il-Voluntiera tal-Aġenzija Appoġġ

    Għadu kif deher avviż fil-ġurnali lokali jħeġġeġ individwi sabiex jitħajjru jgħatu sehemhom bħala voluntiera ma’ l-Aġenzija Appoġġ. Għandna voluntiera kemm mas-Supportline 179 kif ukoll mal-Programm Ulied Darna. Żewġ inizjattivi li taw għajnuna lil numru kbir ta’ nies. Biss biss meta nikkwotaw l-figuri tas-Supportline għas-sena 2012 jidher li twieġbu 16,677 telefonata, fil-waqt li 200 familja rċevew għajnuna mill-Programm Ulied Darna.

    Insibu voluntiera minn kull rokna ta’ Malta – kollha magħqudin b’għan wieħed: dak li jgħatu l-għajnuna lil min hu fil-bżonn partikularment f’mumenti diffiċli. Bħalissa għandna 77 voluntier mas-Supportline u 55 mal-Programm Ulied Darna. Forsi jidhru ħafna imma mhux biżżejjed meta tqis li s-servizz tas-Supportline huwa għal 24 siegħa kuljum, seba’ tijiem fil-ġimgħa u l-familji li jinħtieġu l-għajnuna mill-Prgramm Ulied Darna dejjem jiżdied. Il-voluntiera huma kemm nisa kif ukoll irġiel, pensjonanti, nisa tad-dar u ħaddiema f’oqsma varji. Lkoll ħadu taħriġ apposta sabiex kienu ppreparati għal din il-ħidma u l-Aġenzija tara li dejjem ikun hemm professjonisti sabiex jgħatu s-sapport u l-gwida meħtieġa.

    Il-voluntiera tas-Supportline jgħinu lit-tfal, familji u adulti vulnerabbli minħabba xi ċirkostanza jew sitwazzjoni li jkollhom f’ħajjithom. Iċemplu individwi minħabba problemi fil-familji, diffikultajiet fit-trobbija tat-tfal, abbuż u/jew traskuraġni grassa fuq it-tfal, vjolenza domestika, abbuż ta’ sustanzi, logħob ta’ l-azzard, problemi emozzjonali u psikoloġiċi. Persuni li jħossuhom waħedhom jew li qatgħu qalbhom mill-ħajja iċemplu ukoll …. Telefonata taf tkun ir-raġuni għala persuna ma’ tieħux xi deċiżjoni kerha. Il-fatt li jkun hemm persuna fit-tarf l-ieħor tal-linja tat-telefon u tisma l-weġgħa ta’ dak li jkun u tkun kapaċi tempatizza ma’ dak li jkun tħalli effetti pożittivi. Ħafna drabi jiġri li meta ninħakmu minn problema, lanqas inkunu nistgħu naħsbu fis-soluzzjoni. Imma meta naqsmu dak il-piż, it-toqol jibda jonqos u d-dawl jibda jidher għalkemm ikun għadu l-bogħod.

    Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali toffri servizzi varji u dawn in-nies li jċemplu li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet li għalihom noffru servizz, jiġu rreferuti lejn is-servizzi li jkollhom bżonn. Imma ma jifqux hawn, għaliex il-voluntiera jirreferu fi kwalunkwe servizz li l-persuna jkollha bżonn anke mhux tal-Fondazzjoni. L-iskop tas-Supportline huwa li jservi ta’ pont bejn il-persuna li jkollha bżonn l-għajnuna u s-servizz li jista jgħinha u jaqdiha.

    Forsi jinstema diffiċli dan ix-xogħol u mhux qed ngħid li m’huwiex, imma t-taħriġ jgħati l-ħiliet neċċessarji sabiex tkun taf kif iġġib ruħek f’dawn is-sitwazzjonijiet. Fl-laqgħat li jkollhom il-voluntiera titgħaxxaq tismagħhom jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u ukoll tara b’liema responsabbilta jagħmlu dan ix-xogħol. Jaqsmu ukoll id-diffikultajiet u jitgħallmu ħafna minn xulxin u mill-esperjenzi differenti li jintaqgħu magħhom. Il-voluntiera huwa mprezzabbli għal dan is-servizz u kollha jgħidu kemm jieħdu sodisfazzjon minn dak li jagħmlu. Smajniha tingħad kemm il-darba li l-aktar li jtik sodisfazzjon huwa li tkun tista tgħin lil ħaddieħor. Meta tkun imħarreġ sabiex tgħin, tħoss sodisfazzjon akbar għax tkun taf aktar xi tkun qed tagħmel.

    Il-voluntiera tal-Programm Ulied Darna jiffukaw fuq il-familji bit-tfal żgħar li jkollhom bżonn l-għajnuna. Jagħllmu ħiliet varji lill-ġenituri, jgħatu nformazzjoni neċċessarja u anke jgħatu għajnuna prattika. Kultant tiskanta kif affarijiet żgħar u prattiċi jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ familja. Iservu ta’ spalla għal min ikollu bżonn u anke joffru ħbiberija. Jgħinu lit-tfal fil-homework jew jakkumanjaw lil xi ġenitur għal appuntamenti li jkollhom. Insomma ħafna għajnuniet li meta tarhom huma żgħar imma tagħmel differenza kbira.

    Jekk int persuna li tħobb tgħin,  għandek ftit ħin x’tista tiddedika u ma tiddejjaqx titgħallem u titħarreġ, dan jista jgħodd għalik. Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.appogg.gov.mt jew ċempel 2295 9000. Itlob applikazzjoni u ibgħata mimlija għal l-attenzjoni ta’ Svetlana Buttigieg, 36, St. Luke’s Road, G’Mangia PTA 1318. Tista tibgħat l-applikazzjoni sad-9 ta’ Awissu.

     

    Sina Bugeja

    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali