Il-volontarjat

    Il-ħsieb tiegħi tal-lum jeħodni fix-xahar ta’ Awwissu. Dan ix-xahar iġib miegħu ħafna sħana imma wkoll ħafna vaganzi għal bosta.
    Ħafna minn dawn il-persuni l-ħin tal-vaganzi tagħhom ifisser li jħallu xtutna biex għal diversi jiem jagħżlu pajjiż fl-Ewropa jew iktar ’il bogħod biex jagħmlu volontarjat ma’ dawk l-aktar persuni fil-bżonn.
    U xi tfisser eżatt din il-kelma volontarjat? Nifhem li persuna tikkometti ruħha bil-ħin tagħha u bl-enerġija kollha għall-benefiċċju tas-soċjetà u l-komunità. Hija deċiżjoni li persuna tieħu mingħajr ma tippretendi l-ebda ħlas għax-xogħol li tkun se tagħmel; hija għażla libera bejn dawk li jaħdmu biex idaħħlu l-paga u dawk li jagħmlu volontarjat mingħajr ma jitħallsu – l-unika differenza hija dik tal-flus għax il-mod kif wieħed jikkommetti lilu nnifsu jrid ikun l-istess.
    U persuna xi tkun qed tieħu minn dan kollu? Huwa fatt li min jagħmel volontarjat ikun qed jagħti ħafna lis-soċjetà, imma meta titkellem ma’ persuni li jagħtu ħinhom għal xi għaqda partikolari, dawn jgħidulek: kemm iktar irċevejt lura jien milli tajt!
    U xi tkun qed tieħu dil-persuna li tagħżel tagħmel volontarjat? Bla dubju f’dak li tkun qed tagħmel jirnexxilha tikseb diversi ħiliet u dawn il-ħiliet iġibu l-kunfidenza f’dak li jkun qed isir. Bla dubju ta’ xejn tkun qed tagħmel ħafna differenza, fil-ħajja ta’ ħaddieħor imma ħafna iktar fil-ħajja tagħha. Wieħed ikollu l-opportunità li permezz tal-volontarjat jiltaqa’ ma’ persuni ġodda fil-ħajja tiegħu, jagħmel ħbieb u jekk il-volontarjat ikun qed isir f’pajjiż differenti ferm minn tiegħu, ikollu l-opportunità wkoll jara kif jaħdmu kulturi differenti. Xi ħaġa oħra sabiħa immens hija li dan it-tip ta’ xogħol jagħtik feeling of well being, the feel good factor – kif ukoll tħossok parti minn komunità.
    Ħafna jħarsu lejn din il-ħidma bħala sfida, tagħti sfida lilek innifsek u turi li int kapaċi tagħti dik l-id ta’ bżonn lil ħaddieħor. Finalment, fil-fond ta’ qalbek, dan għandu jnissillek ħafna ferħ u apprezzament iktar lejn il-ħajja u lejk innifsek.
    Bħala persuna li nara li l-volontarjat jifforma parti sew mill-ħin tiegħi, nixtieq naqsam il-ħsieb li dak li jagħtik il-volontarjat, ma toffrihulek l-ebda akkademja, l-ebda studju, imma din l-esperjenza timliek, tagħmlek persuna sħiħa u wkoll tagħtik personalità, minbarra li takkwista ħiliet ukoll ta’ tmexxija (leadership skills).
    Ħafna żgħażagħ li bħalissa qegħdin bil-vaganzi u għadhom ma esperjenzawx dan il-ġmiel li joffri l-volontarjat, dawk il-persuni li rtiraw mix-xogħol u jħossu u wkoll jafu li għad baqgħalhom ħafna x’joffru lis-soċjetà, nissuġġerilhom li jfittxu ftit madwarna u jagħtu ħinhom għal ħaddieħor fejn tant hemm bżonn.
    Meta tagħmel dan, tkun qed tirċievi ħafna iktar milli tagħti! Finalment anki meta persuna se tibda l-mixja tagħha fid-dinja tax-xogħol, il-fatt li fil-CV tagħha, minbarra l-kwalifiki u l-esperjenzi f’xi xogħlijiet oħra, tindika wkoll li għamlet ħin volontarju ma’ ħaddieħor, tkun qed tagħmel ic-CV iktar rikka u attraenti.
    Awguri f’dan il-qasam ferm sabiħ ta’ ħidma.

    Marica Mizzi hija l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Caritas.